Saturday, July 19, 2025

Maqbud ċirku ta’ traffikar u bejgħ ta’ trabi

Aqra wkoll

Il-pulizija Indoneżjana skopriet sindikat internazzjonali tat-traffikar tat-trabi li allegatament biegħ mill-inqas 25 tarbija lil xerrejja f’Singapore mill-2023. L-awtoritajiet għamlu 13-il arrest relatati mas-sindikat fil-bliet Indoneżjani ta’ Pontianak u Tangerang din il-ġimgħa, u salvaw sitt trabi ta’ madwar sena li kienu se jiġu traffikati.

Mill-investigazzjoni kriminali ġenerali tal-Pulizija ta’ West Java, irriżulta li t-trabi kienu l-ewwel ġew akkomodati f’Pontianak u d-dokumenti tal-immigrazzjoni tagħhom ġew irranġati qabel ma ntbagħtu lejn Singapore.

Il-mod kif kien jopera s-sindikat kien li jimmira lejn ġenituri jew ommijiet tqal li allegatament ma ridux irabbu lil uliedhom. F’xi każijiet il-kuntatti bdew permezz ta’ Facebook qabel ma daru għal kanali aktar privati bħal WhatsApp, skont il-pulizija.

Xi trabi saħansitra kienu riżervati waqt li kienu għadhom “fil-ġuf” t’ommhom. Ladarba t-trabi jitwieldu, minbarra li jkollhom l-ispejjeż tat-twelid koperti, l-ommijiet kienu jingħataw kumpens ta’ flus. 

Wara li ttieħdu minn ommijiethom, it-trabi ngħataw lil xi ħadd li kien jieħu ħsiebhom għal xi xhur qabel ma ntbagħtu Jakarta u mbagħad Pontianak, fejn tħejjew iċ-ċertifikati tat-twelid, il-passaporti u d-dokumenti tagħhom, qalet il-pulizija.

It-trabi nbiegħu għal madwar 11-il miljun rupia Indoneżjana, ekwivalenti għal 502 lira sterlina.

Skont xi wħud minn dawk arrestati, is-sindikat biegħ mill-inqas 12-il tarbija subien u 13-il tarbija bniet kemm lokalment kif ukoll barra – ħafna minnhom ġew minn diversi distretti u bliet fil-provinċja Indoneżjana ta’ West Java.

Is-sindakati tat-traffikar tat-tfal tipikament jimmiraw lejn nisa f’sitwazzjonijiet iddisprati bħal nisa li ħarġu tqal minħabba vjolenza sesswali, abbandun mir-raġel, jew tqaliet mhux mixtieqa minn relazzjonijiet każwali,

L-abort huwa illegali fl-Indoneżja ħlief taħt ċerti kundizzjonijiet, bħal emerġenzi mediċi u tqaliet li jirriżultaw minn stupru.

Filwaqt li m’hemm l-ebda dejta uffiċjali dwar l-għadd ta’ trabi li qed jinbiegħu fl-Indoneżja, id-dejta dwar reati ta’ traffikar tal-bnedmin tindika li t-tendenza hija persistenti u qed tikber.

Fl-2020 ġew rreġistrati 11-il każ ta’ tfal bħala vittmi ta’ adozzjoni illegali, fl-2023 irreġistrat 59 każ relatati ma’ ħtif u traffikar ta’ tfal taħt l-iskuża ta’ adozzjoni illegali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport