Mara barranija li għandha l-problema tad-droga tpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn wara li wieġbet ħatja għal akkużi ta’ serq.
Ljubica Nedimovic ta’ 50 sena mis-Serbja, kienet mixlija b’żewġ akkużi ta’ serq, b’waħda minnhom tkun aggravata.
L-ewwel serqa seħħet fil-15 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta ta’ nofsinhar, mill-Adventure Shop li jinsab fi Triq Dun Karm, Birkirkara.
Serqa oħra seħħet nhar is-27 ta’ April, għall-ħabta tat-3.30 p.m. mill-Master Cellars fi Triq l-Oratorju, in-Naxxar. Dakinhar il-mara kienet serqet xorb alkoħoliku.
Meta mistoqsija jekk il-mara kinitx irritornat l-oġġetti misruqa, l-Avukat tagħha qal li ma kinitx għamlet dan. Huwa talab lill-Qorti biex l-akkużata tingħata l-għajnuna sabiex tegħleb il-vizzju tad-droga.
Min-naħa tagħha, l-uffiċjal prosekutur qalet li l-mara “għandha problema tad-droga u tmur id-Detox kuljum. Ninsab infurmata wkoll li hija għandha każ ieħor ma’ Spettur ieħor, u tliet każijiet oħra kontra tagħha.”
Il-Maġistrat Lara Lanfranco filwaqt li sabitha ħatja poġġietha taħt ordni ta’ probation għal sentejn li matulhom trid issegwi dak kollu li tgħidilha l-uffiċjal tal-probation. Hija imponiet ukoll ordni ta’ trattament għall-istess perjodu.
Il-mara kienet ordnata tħallas lura l-valur tal-oġġetti misruqa fi żmien sitt xhur.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti. L-Avukat Joseph Brincat deher għall-mara.