Monday, April 6, 2026

Mara  bla saqaf fuq rasa tiġi akkużata b’insulti lill-pulizija u persuni oħra waqt arrest fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Mara li qed tirrappreżenta lilha nnifisha fil-Qorti, Ramona Vassallo, kienet quddiem il-Qorti b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ insulti u nuqqas ta’ koperazzjoni mal-pulizija waqt arrest li sar f’Marzu li għadda.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Wayne Bonello, stazzjonat fl-għassa tal-Marsa, qal li fl-14 ta’ Marzu 2026, għall-ħabta tat-2:45pm, ġie infurmat mill-pulizija tad-distrett tal-Ħamrun li Vassallo kienet ġiet arrestata fuq mandat minħabba li naqset milli tidher il-Qorti.

Huwa spjega li waqt l-eżekuzzjoni tal-mandat, Vassallo bdiet tgħajjat u tinsulta lill-pulizija, inkluż lis-Supretendent Godwin Xerri, fejn allegatament sejħitlu “korrott”. Skont l-Ispettur, hija ma kinitx qed tikkopera mal-pulizija, u għalhekk ġiet arrestata wkoll fuq akkużi ta’ ingurja.

Fix-xhieda tagħha, Vassallo qalet li kienet qed takkuża lill-pulizija b’korruzzjoni u sostniet li kellhom jiftħu kawża ta’ libell kontriha jekk iħossu li ġew imħassra. Hija sostniet ukoll li s-Supretendent ried jeħdilha l-kelb tagħha u spjegat li tgħix barra minħabba li tirrifjuta tmur f’shelter biex ma titlifx lill-annimal tagħha.

Vassallo qalet li l-kelb huwa “l-unika ħaġa li tħobb fil-ħajja” u li jinsab għand ħabiba tagħha waqt li hija tinsab il-ħabs.

Il-Qorti semgħet ukoll xhieda li jaħdem mal-kunsill lokali tal-Ħamrun, li qal li fit-13 ta’ Marzu, waqt xogħol ta’ manutenzjoni fil-pjazza ta’ San Pawl, Vassallo bdiet tinsulta lil kollega tiegħu b’kliem oxxen, inkluż kummenti dwar it-tifla tiegħu. Huwa qal li kien hemm uffiċjal tal-pulizija fuq il-post li ordna li jsir rapport dwar l-inċident.

Xhud ieħor,  ikkonferma li sema’ l-insulti waqt li kien qed jaħdem fil-pjazza u qal li dawn kienu jinkludu kliem oxxen u allegazzjonijiet personali. Huwa sostna wkoll li kien hemm każijiet oħra fejn Vassallo kienet tinsultah meta kienet tgħaddi minn quddiem daru.

Vassallo ċaħdet xi wħud mill-allegazzjonijiet u sostniet li hija kienet vittma ta’ trattament ħażin, inkluż li allegatament ittieħdulha kutri u affarijiet personali waqt li kienet qed tgħix barra. Hija akkużat ukoll lil xi individwi li ppruvaw jagħmlulha ħsara fil-passat.

Fix-xhieda tagħha, hija dehret emozzjonata u bdiet tibki fl-awla meta semmiet lill-kelb tagħha, waqt li qalet li ma trid xejn aktar ħlief li tkun miegħu.

Il-Qorti semgħet ukoll lix-xhud mid-Deputat Reġistratur tal-Qrati dwar kwistjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest, fejn intqal li kien hemm diffikultà biex jinstab dokument relatat.

Il-każ ġie differit għall-15 ta’ April fid-9:30am, meta mistennija tkompli tinstema’ x-xhieda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport