Kamala Harris… Eks-pulizija ħarxa lejn il-ħaddiem iż-żgħir u l-emarġinati bħala viċi president tal-Istati Uniti
Minn Carmen Cachia
Ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali għall-Presidenza tal-Istati Uniti kien mistenni ħafna minħabba l-kompetizzjoni qawwija li kien hemm bejn Donald Trump u Joe Biden. Dan tal-aħħar ħareġ rebbieħ u miegħu nħatret mara bħala viċi president – Kamala Harris. Il-pożizzjoni ġdida u prestiġġjuża ta’ Harris, li tikkonsidra lilha nnifisha bħala persuna progressiva, hija waħda ta’ poter li jġib miegħu anke spekulazzjonijiet ta’ kif dan il-poter se jkun użat. Dan b’mod speċjali minħabba li fl-imgħoddi din il-viċi president ġdida kienet iebsa ħafna mal-ħaddiem iż-żgħir, mal-prostituti u ma’ persuni “dgħajfa”, mentri min-naħa l-oħra ħbiet u skużat akkużi serji fil-konfront ta’ min jaqblilha.
Il-kandidata għall-partit Demokratiku bdiet il-karriera tagħha bħala uffiċjal tal-pulizija u kienet magħrufa għal kemm kienet tibgħat nies il-ħabs mentri kienet tħalli qassisin li jabbużaw minn tfal, pulizija vjolenti u negozjanti korrotti, jeħilsuha ħafif f’għajn il-liġi.
L-ideat tagħha għall-ewwel jagħtuk x’tifhem li Harris hija politikanta progressiva u dan wara li ħadnet proposti bħal Medicare għal kulħadd, tkellmet favur it-tisħiħ tad-drittijiet għall-abort, kif ukoll iddikjarat li taqbel li jkun hemm proċess faċli għaċ-ċittadinanza għal dawk li jixtiequha. Iżda, meta wieħed iħares bir-reqqa lejn il-passat tagħha, jinduna li din il-mara viċi president, mhix fil-verità “ħabiba tal-poplu”.
Kamala Harris kienet waħda mill-aqwa pulizija b’karriera brillanti twila 28 sena u midħla sew tal-partit demokratiku Amerikan. Lura fl-2008 in-New York Times kien diġà kkonsidraha bħala kandidata b’potenzjal qawwi għar-rwol presidenzjali u dan minħabba li kienet “ġellieda ħarxa” fir-rwol ta’ avukat distrettwali f’San Francisco. Hija kienet ittella’ attivitajiet għall-ġbir ta’ fondi fl-ewwel kampanja elettorali ta’ Obama, fejn kien anke ppreżenta lilu nnifsu f’waħda minn dawn l-attivitajiet filantropiċi li hija kienet torganizza.
“The Economist” u “VICE News” diġà rrapportaw li din il-viċi president Amerikkana għandha ħafna nuqqasijiet riflessi fil-passat tagħha. Iżda l-aktar fatt kruċjali huwa li Harris minn sempliċi pulizija daħlet fix-xena politika b’mezzi mhux daqstant etiċi fejn juri fiċ-ċar li l-mod li wieħed jinfiltra u jirnexxi, huwa li juża lill-popolin a skapitu tiegħu.
Minn pulizija għall-Kamra Ovali
Fuq il-website tagħha, Harris tgħid li ilha tiġġieled ħajjitha kollha biex “tirranġa s-sistema ħażina li hemm fil-ġustizzja kriminali”. Fil-fatt, il-karriera tagħha lejn l-aħħar kienet tinvolvi ħidma għal prosekuzzjoni u penalitajiet aktar ħarxa. Hija għażlet karriera bħala pulizija biex tikseb il-fakultà li tkun viċin dawk li jieħdu ċerti deċiżjonijiet importanti u li fix-xogħol tagħhom, b’azzjoni interna, jipprovaw ibiddlu għall-aħjar is-sistemi leġislattivi tal-pajjiż.
Bejn l-1988-89 hija kienet taħdem fl-uffiċċju legali ta’ Alameda County u wara li għamlet il-kors tal-liġi, Harris laħqet bħala deputat avukat tad-distrett fejn serviet din il-kariga bejn l-1990 ssal-1998. Hija kompliet pass wara pass tissoda fil-karriera tagħha fejn fl-2003 ħadet it-tmexxija tal-uffiċċju legali tad-distrett ta’ San Francisco, fl-2009 ta’ California, mentri bejn l-2010 sal-2016 hija serviet bħala l-avukat ġenerali tal-istat. Fl-2016 hija kisbet siġġu fis-senat u fl-2019 bdiet il-kampanja elettorali tagħha mal-Partit Demokratiku.
Kull darba li Harris hija kkonfrontata dwar il-passat tagħha bħala uffiċjal tal-ordni pubblika, hija dejjem tirreferi għar-rifomi li implimentat. Minkejja li din il-politikanta qiegħda tipprova tpinġi lilha nnifisha konformi maż-żminijiet tal-lum, l-imġieba tagħha qabel ma tantx hija waħda li tista’ tkun ikkonsidrata bħala waħda progressiva. Hija kienet pulizija ħarxa fejn iġġieldet għal pieni iebsa b’mod speċjali għall-komunitajiet fqar u marġinalizzati.
L-aktar miżuri kontroversjali tagħha jinkludu insistenza għal sentenzi ta’ ħabs għal ġenituri ta’ tfal ribelli u l-implimentazzjoni biex ma jingħatawx libertà proviżjonarja kif ġieb u laħaq. Hija ħarxet il-liġijiet kontra d-droga bil-konsegwenza li ħafna minn dawk misjuba ħatja ma setgħux jagħmlu programmi ta’ rijabilitazzjoni u minflok, jibqgħu maqfula l-ħabs. Barra dawn, Harris żiedet il-pieni għal dawk misjuba ħatja f’atti kriminali żgħar inklużi graffitti u kampjar għal dawk bla saqaf fuq rashom.
Rapporti fuq il-midja qalu li hija ma kinitx sempliċiment l-avukat tad-distrett. Hija kienet issejjaħ lilha nnifisha “l-aqwa pulizija” ta’ San Francisco u Kalifornja. It-tmexxija tagħha f’dawn ir-rwoli fil-fatt kienet ir-raġuni ewlenija għala sa ftit ta’ żmien ilu, Kalifornja kienet fl-ewwel post bħala l-aktar stat bi priġunieri fil-ħabs.
Is-sess u Kamala
Bħal nisa oħra tal-kulur, Harris kellha tistinka u tkun aktar ħarxa bħala professjonista biex tilħaq fil-karriera tagħha minħabba li skont hija, dan huwa wieħed mill-ftit modi li jistgħu jiġġieldu s-sessiżmu, diffikultajiet varji u biex il-kandidatura tagħhom tittieħed bis-serjetà. Fil-fatt, kwart tan-nisa fis-senat kellhom xogħol fl-infurzar tal-liġi. Harris uriet it-tenaċità tagħha billi ttorturat u rduppjat l-ammont ta’ priġunieri, kif ukoll kellha id iebsa ħafna mal-persuni ta’ kulur.
“Il-ħidma ta’ Harris, fil-verità, hija makkinarju perfett biex tattakka lill-komunitajiet marġinalizzati li ma jistgħux jirritaljaw…”
Ir-riformi progressivi fuq l-aġenda ta’ Harris ma kienu xejn progresssivi tant li xekklet progress ta’ ħafna xogħol li sar tul is-snin f’dan il-qasam. Fost dawn hemm il-legalizzazzjoni tal-ħaddiema tas-sess fejn il-predeċessur tagħha ħadem kemm felaħ biex jindirizza l-prostituzzjoni bħala kwistjoni tas-saħħa pubblika aktar milli offiża kriminali.
Harris dawret dan kollu u anke għamlet operazzjoni sigrieta biex taqbad lill-ħaddiema tas-sess fil-fatt. Bħala avukat tad-distrett hija daħlet proċeduri legali fil-konfront ta’ dawk li jkollhom “intenzjoni” li jipprostitwixxu ruħhom u anke għamlet sistema apposta biex is-sewwieqa tat-trakkijiet u l-ħaddiema tal-lukandi jirrapportaw suspetti fuq dawn it-tip ta’ ħaddiema. Minkejja li dawn il-liġijiet ġew infurzat b’dak li suppost kellu l-intenzjoni li jipproteġi lill-prostituti, spiċċa biex jagħmlilhom aktar ħsara.
Dan jikkuntrasta mal-fatt li jekk il-każijiet ikunu jinvolvu persuni prominenti, Harris kienet timxi mod ieħor. Hija kienet tirrifjuta li tmexxi proċeduri legali fil-konfront ta’ qassisin akkużati b’pedofelija u sa anke waslet biex żammet mistura dokumenti li kellhom informazzjoni ta’ 80 sena ħabi ta’ abbużi minn ekkleżjastiċi. Hija rriffjutat ukoll li tieħu passi fl-iskandlu tat-traffikar uman f’Oakland u meta pulizija abbużaw sesswalment tifla taħt l-età. Dawn l-eżempji u oħrajn minn Harris juru kemm il-“ħidma” tagħha hija fil-verità makkinarju perfett biex tattakka lill-komunitajiet marġinalizzati li ma jistgħux jirritaljaw.
Minħabba l-kampanja elettorali tagħha din il-mara biddlet l-approċċ tagħha rigward il-prostituzzjoni fejn iddikjarat li hija favur is-sistema Nordika, sistema mħaddna snin ilu minn diversi pajjiżi, inklużi Ewropej, li l-għan tagħha huwa verament biex jipproteġi u jgħin lill-ħaddiema fl-industrija tas-sess.
Għall-karriera tagħmel kollox…
Kamala Harris hija kkonsidrata bħala politikanta tipika li tpoġġi fl-ewwel post l-avvanzi fil-karriera tagħha u tuża kull mezz possibbli biex tirnexxi. Waħda mill-mossi tagħha kienet li tuża d-dixxendenza tagħha u l-kulur tal-ġilda bħala parti mill-kampanja elettorali bil-għan li tikseb il-voti tal-elettorat tal-kulur u dan b’mod speċjali, nisa.
Hija għamlet pass strateġiku ieħor billi wriet is-sostenn tagħha għas-sistema tas-saħħa għal kulħadd tal-Medicare. Harris, jum biss wara din id-dikjarazzjoni, reġgħet marret lura minn kelmtha bl-iskuża li hija qiegħda tikkonsidra diversi għażliet fejn tidħol is-sistema tas-saħħa.
Harris b’xi mod jista’ jirnexxielha tippreżenta lilha nnfisha bħala persuna li taħdem, tħobb u tgħin lin-nies, iżda l-passat tagħha bħala pulizija ħarxa u avukat tad-distrett iebsa ma tantx jiggarantixxu li m’hiex se terġa’ lura għall-folja ta’ qabel ladarba tieħu sew ir-riedni f’idejha bħala Viċi-President tal-Istati Uniti. Jingħad li ħafna Amerikani qegħdin jibżgħu iżda għal issa, għadu kmieni wisq biex wieħed jara l-pass li jmiss tagħha.