Friday, December 20, 2024

Mara b’tarbija marret torqod fuq l-għatba tal-Knisja fil-Qawra

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Każijiet ta’ nies bla saqaf fuq rashom żdiedu sew. Għandna madwar 120 persuna li nagħtuhom ikel kuljum. Kellna każ u dan mhux l-unika wieħed fejn mara ġiet b’tarbija torqod fuq l-għatba tal-Knisja tal-Qawra. Il-kirjiet għolew sew u ħafna nies mhux ilaħħqu magħhom. Nafu b’każi fejn il-paga tmur kollha għall-kera”.

Dan sostnih Mark Gatt, persuna li jaħdem b’mod volontarju mad-Djakonija tal-Qawra jgħin persuni vulnerabbli li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jew bi problema biex ikollhom biex jieklu. Il-Qawra u Buġibba hi waħda mil-lokalitajiet li fihom qed ikun hemm ammont ta’ każijiet ta’ faqar u nies bla saqaf.

Mark Gatt qalilna li “bħala parroċċa fil-Qawra għandna unit u nikkordinaw ħafna bejnietna bħala djakonija. Diversi parroċċi f’Malta jagħmlu ħafna xogħol bejniethom f’dan ir-rigward. Naħdmu ħafna ma’ social workers fuq każijiet soċjali fosthom ma’ dawk li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom”.

Jenfasizza li “ikollna ħafna każijiet ta’ nies li jispiċċaw  bla saqaf għal raġunijiet diversi. Nista’ ngħidlek li fix-xitwa li għaddiet kellna mara b’tarbija li ġiet torqod proprju wara l-bieb tal-Knisja bil-lejl. Din ma kinitx l-unika waħda. Ikollna ukoll ħaddiema barranin li jfittxu l-għajnuna tagħna għalkemm mhux bi kwantitajiet kbar.

Il-fenomenu ta’ dawk bla saqaf fuq rashom qed jikber mhux ħażin

Mark Gatt meta tkellem ma’ talk.mt spjegalna li “l-fenomenu ta’ dawk bla saqaf fuq rashom qed jikber mhux ħażin. Il-problema hi li qegħdin naraw li dawn huma nies li hu diffiċli li jsibu impjieg kemm minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni kif ukoll għax ma jkunu jafu bl-Ingliż. Ikollok nies li jiġu jaħdmu hawn, jew iġibuhom jaħdmu hawn, ma jkunux jafu bl-Ingliż u wara li jispiċċaw bla xogħol isibuha diffiċli ħafna biex isibu impjieg ieħor. Dawn imbagħad la jispiċċaw bla xogħol jibdew isibuha diffiċli biex iħallsu l-kera u jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.”

Jisħaq li “l-kirjiet huma l-akbar problema.  Irrid ngħid li l-fenomenu ta’ nies bla saqaf fuq rashom beda  qabel il-Covid 19 minhabba il-kirjiet li kienu qegħdin dejjem jogħlew fil-prezz.”

Nistaqsuh dwar ix-xelters u jgħidilna li “xelters hawn kemm trid, imma dawn kollha mimlijin. Dawn għandhom ukoll ċertu restrizzjonijiet fosthom li jekk dak li jkun ma jkunx imlaqqam kontra l-Covid19 ma jdaħħluhomx. Din nifmuha għax jekk jiddaħħlu nies mhux imlaqqmin jista’ jmarru lil oħrajn li jkunu residenti f’dak ix-xelter”.

Jispjegalna li “fis-sajf ikollna problemi mod u fix-xitwa ikollna problemi oħra. Bħalissa noffru għajnuna lil għadd ta’ refuġjati Ukreni. Kellna minnhom li ma kienux jafu bl-Ingliż. Li qegħdin nagħmlu hu li għadna kif bdejna klassijiet tal-Ingliż għalihom. Għamilna dan biex huma ikunu jistgħu isibu impjieg f’pajjiżna u ma jibqgħux jiddependu fuqna.  Dawn huma refuġjati li għandhom ħiliet u anke edukazzjoni. Li jridu hu li jitgħallmu l-Ingliż biex tkun aktar faċli għalihom li jsibu impjieg u ma jispiċċawx bla saqaf fuq rashom”.

Jikru imma ma jaslux biex iħallsu … kellna familja li raġel qed jaħdem fil-kostruzzjoni u l-paga tmur kollha għal kera

Għaċ-ċentru tal-Qawra, fost il-problemi li jiltaqgħu magħhom hi dik li jkun hemm persuni li jkunu fil-kera imma minħabba raġunijiet jibdew ma jaslux biex iħallsu l-pagamenti.  Jgħidilna li “aħna ġieli għenna biex persuni jħallsu l-kirjiet. Għandna bord u dan jieħu d-deċiżjoni hu fuq kull każ. Dan isir dejjem abbażi ta’ rapporti mis-social workers. Ġieli niktbu ukoll lis-sid, jiġifieri nagħmlu intervent minn naħa tagħha. Għandi kemm kellimt familja Ukrena. Il-mara hi Ukrena u ġiet f’Malta ftit ilu. Ir-raġel ġie magħha għax mhux Ukren allura seta’ joħroġ. Ir-raġel spiċċa jaħdem xogħol iebes fil-kostruzzjoni. Il-flus li qed jaqla qegħdin immorru kollha għal kera.”

Għandna 120 persuna li ntuhom l-ikel kuljum … 40 minnhom Ukreni

Mark Gatt jgħidilna li “għandna 120 persuna li qegħdin intuhom għajnuna ta’ ikel kuljum.  Minn dawn hemm 40 li huma Ukreni.  Din kien hemm skema u tant konna mexjin tajjeb biha li ddeċidew li jibqgħu ituna l-ikliet. Dawn huma ikliet maħdumin f’ristorant, jiġu ffriżati u aħna ntuhom lil dawk li jiġu għandna. Kull nhar ta’ Tnejn intuhom għat-Tnejn u t-Tlieta, l-Erbgħa intuhom għal Erbgħa u l-Ħamis u l-Ġimgħa intuhom għal tmiem il-ġimgħa. Ma’ dawn intuhom ukoll hampers li jkunu jikkonsistu f’għaġin, tonn taż-żejt u prodotti oħra”.

Inizjattiva ġdida … ikel jitqassam fil-post anki għal dawk li jbatu mis-solitudni

Jgħidilna li “fi żmien mhux il-bogħod il-parroċċi bejniethom se jkunu qed immexxu inizjattiva ġdida  u se nibdew nitimgħu fuq il-post lil nies li jbatu mis-solitudni ukoll.  Din se tkun tikkonsisti billi se nsajru l-ikel u imbagħad inqassmuh.  Se nagħmluha miftuħa biex jieklu fil-post jekk iridu, imma se tkun miftuħa anki għal dawk li jistgħu iħallsu xi ħapa żgħira. Għall-bidu se tkun nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa.  Dan għax biex issir kuljum trid ammont sew ta’ volontieri. Sa issa għandna 22 voluntier, fejn għal uħud minnhom tant jinvolvi xogħol li sar qisu ix-xogħol fulltajm tagħhom.”

Tliet regoli fundamentali

Mark jisħaq ma’ dan is-sit li “fiċ-ċentru tal-Qawra għandna tliet regoli fundamentali. Dawn huma li għal kull każ dawn jiffirmawlna li dak li jgħidu ma jistax jitqies bħala sigriet u dan biex inkunu nistgħu naħdmu ma’ ħaddiema soċjali u professjonisti oħra biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom. It-tieni regoli hi dik li jekk jinfurmawna b’xi tip ta’ abbuż aħna nirrappurtaw mill-ewwel. It-tielet regola hi dik li ngħinu lil dawk li jgħinu lilhom infushom. Jekk ma jikkoperawx mas-social workers aħna nwaqqfu s-servizz. Ma rridux nies li jintelqu fuq is-soċjetà”.

Ekonomija

Sport