Monday, December 23, 2024

Mara b’żewġ irwoli li jikkumplimentaw lil xulxin biex tgħin lil ħaddiehor

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Tina Christie ilha preżentatriċi fuq ir-radju 15-il sena u taħdem fil-qasam tas-saħħa bħala Psychology Assistant

F’din l-intervista INEWSMALTA jiltaqa’ ma’ Tina Christie, mara ta’ 34 sena b’żewġ rwoli ferm importanti għas-servizz tan-nies. Hija ilha għal dawn l-aħħar 15-il sena preżentatriċi fuq ir-radju ta’ ‘Saturday Breakfast’ u ‘Sunday Drive’ fuq Magic917. Il-mużika minn dejjem kienet parti minn ħajjitha hekk kif minn ta’ età żgħira bdiet tkanta u ddoqq il-pjanu. Pero tistqar li ma timmaġinax lilha nnifisha mingħajr ir-radju.

Tina Christie gradwat fil-Psikologija fl-2007 u kisbet Masters in Counselling fl-2016 mill-Università ta’ Malta fejn illum il-ġurnata taħdem fil-qasam tas-saħħa bħala Psychology Assistant. Hija miżżewġa lil Alan u għandhom tifla ta’ sena u nofs li jisimha Noelle.

“Qabel il-motto tiegħi kien ‘jiġri x’jiġri, dejjem hemm raġuni’. Issa li sibt diversi soluzzjonijiet u raġunijiet għall-affarijijet personali tiegħi, il-motto nbidel u sar ‘nimxi ġurnata b’ġurnata’. Għamilt żmien naħseb ħafna fuq x’jista’ jiġri fil-futur, pero fil-verità qatt ma tista’ tkun taf; u ma jfissirx li dak li qed taħseb se jiġri. B’hekk għada naraw. Fil-fatt l-Covid-19 għenitni nifhem iktar xi tfisser ħajja rilassata u m’għadniex nagħmel ħafna affarijiet f’daqqa,” qalet Tina Christie filwaqt li żiedet tgħid li rigward pjanijiet għall-futur, tixtieq li nibqa’ taħdem fir-radju pero tieħu gost ukoll jekk ikollha opportunitajiet fuq it-televiżjoni. 

“Kelli anke interess li mmur fil-missjoni… nieħu gost ngħin lil dak li jkun”

Tina Christie qalet li minn ta’ età żgħira tiftakar li kienet tgħid li tixtieq tkun involuta fil-media. “Bħala familja, it-televiżjoni u r-radju minn dejjem kienu mezzi li nieħdu gost insegwu ħafna; speċjalment id-drama. Niftakarni anke nosserva lill-ġurnalisti huma u jaqraw l-aħbarijiet. F’Marzu ta’ 2004 kont smajt b’kors tar-radju u applikajt mill-ewwel. Ftit wara ġejt avviċinata u ġejt offruta l-ewwel programm tiegħi. 

Kelli anke interess li mmur ngħin fil-missjoni għax minn dejjem nieħu gost ngħin lil dak li jkun. Fil-fatt kont ngħid li nixtieq insir counsellor… u rnexxieli wkoll,” qalet Tina Christie.

Għaliha personali ż-żewġ rwol huma importanti ħafna. Hija qalet li, “Ir-radju huwa għal qalbi ħafna għax il-mużika minn dejjem togħġobni. Fis-sens, jien inkanta u ndoqq il-pjanu wkoll; allura qisu kollox f’pakkett wieħed. Apparti minn hekk, meta nkun ‘on air’ joħroġ il-karattru vera tiegħi — persuna iktar rilassata, kalma u espressiva ħafna. Meta ma nkunx fuq ir-radju, inkun iktar kwieta ġeneralment.”

Min-naħa l-oħra l-irwol tagħha bħala Psychology Assistant ifisser ħafna għaliha wkoll għax tkun trid tkun ta’ għajnuna għal ħaddiehor u tgħin lil haddiehor jasal fejn jixtieq u jifhem iktar x’inhu jiġri madwaru. Hija tistqarr li ż-żewġ irwoli jikkumplimentaw ħafna lil xulxin għaliex hija u tesprimi lilha nnifisha ‘on air’, toqgħod ħafna attenta ta’ kif tgħid ċertu affarijiet u tipprova tkun fiż-żarbun tas-semmiegħ.

Hemm diversi esperjenzi li Tina Christie tibqa’ żżomm f’qalbha.  “Rigward ir-radju, l-iktar esperjenzi li nibqa’ ngħożż huma d-diversi opportunitajiet li ġew offruti u li kelli kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq diversi stazzjonijiet nazzjonali. Rigward l-irwol tiegħi bħala Psychology Assistant; jien naħdem fil-qasam tas-saħħa mentali. Iltqajt ma’ diversi esperjenzi li minnhom titgħallem l-aħjar mod kif għandek tħares lejn dawn l-esperjenzi b’mod professjonali,” spjegat Tina Christie.

“Iltqajt ma’ sitwazzjonijiet fejn grazzi għall-Covid-19, it-tfal marru għall-aħjar rigward żvilupp tal-lingwa u attenzjoni”

“Bħalissa qed naħdem mat-tfal; allura ħafna ġenituri semmew kif fi żmien il-Covid-19, kien hemm tfal li tfixxklu bil-bidla fir-rutina. Din wasslithom għal frustrazzjoni u sabuha ftit diffiċli biex jikkoperaw. Minn banda l-oħra ltqajt ma’ sitwazzjonijiet fejn grazzi għall-Covid-19, it-tfal marru għall-aħjar rigward żvilupp tal-lingwa u attenzjoni. Dan għaliex kellhom iċ-ċans iqattgħu ħafna iktar ħin mal-ġenituri/ carers,” spjegat Tina Christie.

“Fl-istess ħin,” żiedet tgħid, “għall-ġenituri u l-carers li kienu teleworking, kien diffiċli ħafna għalihom biex ilaħħqu kemm mat-tfal kif ukoll max-xogħol. Ħafna mir-regoli tad-dar, bħal pereżempju l-ammont ta’ ħin li t-tfal setgħu jaraw televiżjoni, kellhom jinbidlu għaliex inkella tispiċċa ma tagħmel xejn teleworking. Din qajmet emozzjonijiet kbar ta’ ħtija u anke anzjetà fost ħafna mill-ġenituri/carers. Apparti minn hekk, dik il-ħaġa li t-tfal jaraw lil ġenituri/carers jaħdmu u li ma jistgħux joqgħodu magħhom, qajmet frustrazzjoni u tibdil fl-imġieba tat-tfal.”

Mistoqsija jekk temminx li għad hawn stigma marbuta mas-saħħa mentali, Tina Christie qalet li temmen li naqset marbut mal-fatt li hawn iktar għarfien pero xorta se tibqa’ ssib dawk il-persuni li jsibuha diffiċli biex jifhmu iktar dan il-qasam u għalhekk it-triq ‘il quddiem hija li jibqa’ jkun hawn iktar għarfien anke fuq it-tip ta’ għajnuna li hawn.

Ekonomija

Sport