Ilbieraħ, għall-ħabta tal-10.15pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Missjunarji Maltin, il-Mosta.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 50 sena residenti Ħad-Dingli u Toyota Vitz misjuqa minn Albaniż ta’ 30 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Fl-ewwel Toyota kien hemm ukoll mara ta’ 48 sena residenti Ħad-Dingli u tfajla ta’ 14-il sena filwaqt li fl-oħra kien hemm ukoll mara ta’ 37 sena residenti Bormla.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lill-persuni kollha l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard, il-mara ta’ 37 sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji, filwaqt li l-Albaniż u t-tfajla ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi. It-tnejn l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.