Mara tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha wara li tard ilbieraħ filgħaxija kienet involuta f’nirien li seħħew f’residenza fi Triq l-Aħwa Zammit f’Ħal Qormi.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 41 sena rnexxielu joħroġ mid-dar waħdu, filwaqt li mara ta’ 64 sena ġiet salvata minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li assista lill-mara sakemm hija setgħet tittieħed lejn l-Isptar għal aktar kura. Fortunatament ir-raġel ma sofra l-ebda ġrieħi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.