Mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li aktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tad-08:45 a.m. kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Nazzjonali fil-Ħamrun.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li seħħet ħabta bejn van Toyota misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti Wied il-Għajn u karozza Peugeot 308 misjuqa minn mara ta’ 51 residenti Ħal Qormi.
Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura neċessarja. Is-sewwieq l-ieħor ma sofra l-ebda ġrieħi.
Il-kundizzjoni tal-mara għadha mhux magħrufa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.