Tilfet ħajjitha l-mara minn Ħal Qormi li għal dawn l-aħħar erba’ snin kienet f’koma hekk kif f’Ġunju tal-2019 ittajret minn karozza f’Ħal Luqa. Dakinhar tal-aċċident il-mara kellha 38 sena.
Kien għall-ħabta tan-12.30pm meta fi Triq San Vinċenz f’Ħal Luqa, il-mara kienet miexja u ntlaqtet minn karozza li kienet misjuqa minn raġel ta’ 47 sena mis-Siġġiewi. Il-mara kienet ittieħded l-Isptar Mater Dei fejn kienet ġiet iċċertifikata li kienet fil-periklu tal-mewt.
Minn dakinhar hija kienet ittieħdet fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul fejn hemm kienet qiegħda rikoverata, iżda qatt ma ħarġet minn koma.
Fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda ssir awtopsja biex jiġi stabbilit jekk il-mara tilfitx ħajjitha kawża tal-aċċident jew inkella minħabba problemi ta’ saħħa oħrajn li seta’ kellha.