Sunday, December 22, 2024

Mara li qed tkorri tibża’ li tmut b’infezzjoni jekk ma jsirilhiex abort

Aqra wkoll

Mara b’16-il ġimgħa tqala fl-Isptar Mater Dei qed tibża’ li tmut minħabba li, minkejja li qed tkorri, it-tobba ma jistgħux iwaqqfulha t-tqala. Iddikjarat dan l-Women’s Rights Foundation rigward mara Amerikana li tinsab f’Malta għal vaganza. Il-fondazzjoni qalet li l-mara u s-sieħeb tagħha għażlu li jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-pubbliku wara l-esperjenza tal-biża’ tagħhom u tħassib li għandhom li ma tittiħidx azzjoni fil-ħin.

L-Amerikana daħlet b’emerġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex minħabba li bdiet tara ħafna demm f’dak li kien juri li kien bidu ta’ korriment. Meta ġiet trasferita f’Mater Dei kien ikkonfermat li l-mara nfaqgħalha l-ilma u li s-sekonda kienet qed tinqala’ minn postha. Minkejja dan il-qalb tal-fetu kienet għadha tħabbat.

Il-Fondazzjoni qalet li skont il-linji gwida internazzjonali, f’każijiet bħal dawn fejn il-fetu għadu mhux vijabbli (qabel 24 ġimgħa), għandha tiġi offruta t-terminazzjoni tat-tqala biex jiġi evitat ir-riskju ta’ infezzjoni u mewt tal-mara. L-infezzjoni tista’ tgħaddi għall-utru, imbagħad tivvalena d-demm tal-mara u twassal għall-mewt.

Il-pazjenta talbet li t-tqala tagħha tiġi terminata, iżda t-talba tagħha ġiet miċħuda. Qalulha li t-tobba jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti. Qalulha wkoll li t-tobba lanqas biss jistgħu jiddiskutu magħha l-għażla li tagħmel abort.

Il-pazjenta issa qed tiġi mġiegħla tistenna f’Mater Dei, b’ħajjitha f’riskju. Il-familja bir-raġun hija fi stat ta’ xokk u ddisprata għal soluzzjoni. Qed tiġi ppjanata evakwazzjoni medika lejn ir-Renju Unit iżda din tista’ ma tasalx fil-ħin.

Il-fondazzjoni qiegħda tappella lill-pubbliku biex ixerred din l-esperjenza biex tiġi evitata traġedja bħal dik ta’ Savita. Savita hija l-mara li fl-2012 mietet b’infezzjoni fid-demm wara li b’mod simili t-tobba fl-Irlanda rrifjutaw li jitterminawlha t-tqala.

Ekonomija

Sport