Saturday, November 9, 2024

Mara mixlija b’sensiela ta’ serqiet minn supermarkets

Aqra wkoll

Mara nżammet arrestata wara li ġiet mixlija b’seba’ akkużi dwar serq minn ħames supermarkets differenti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Tiziana Attard ta’ 35 sena minn Ħal Tarxien tressqet quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca fejn wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha. Il-każi seħħew fuq perjodu ta’ ġimgħa u bdew mill-Ġimgħa 20 ta’ Mejju. 

Il-Qorti kienet infurmata li l-mara, li ma taħdimx, kienet diġà ngħatat il-ħelsien mill-arrest u li għandha l-vizzju tad-droga. Fost l-oġġetti misruqa kien hemm ikel, xorb u lożor tas-sodda.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace, li deher għall-imputata, qal li ma kienx qed jitlob il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju iżda talab li hija tinżamm fit-Taqsima Forensi tal-Isptar Monte Carmeli. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba.

Il-Qorti, filwaqt li nnutat li l-mara kellha bżonn l-għajnuna, laqgħet din it-talba u għamlet rakkomandazzjoni f’dan ir-rigward lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Sport