Friday, November 15, 2024

Mara ssofri ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku r-Rabat Malta

Aqra wkoll

Kif irrapporta dan is-sit ilbieraħ, għall-ħabta tat-8.15pm seġġ inċident tat-traffiku fi Triq ta’ L-Infetti, l-Imdina.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li mara ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien, tilfet il-kontroll ta’ Peugeot 206 u waqgħet ġo għalqa madwar sular u nofs għoli. Fil-vettura kien hemm ukoll Franċiż ta’ 22 sena residenti Marsaskala.

Fuq il-post ġew imsejħa l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Ambulanza ħadet lir-raġel u l-mara l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa, fejn hu ġie ċċertifikat bi ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ilbieraħ filgħaxija: Żewġ persuni l-Isptar wara inċident tat-traffiku r-Rabat Malta

Il-kelliem għal Pulizija Brandon Pisani kkonferma ma’ talk.mt li kienu żewġ persuni li ttieħdu l-Isptar Mater Dei, iżda l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa. Il-persuni nvoluti fl-inċident huma mara u raġel.

L-inċident seħħ fi Triq l-Infetti u kellhom jisejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lil persuna li kienet għadha fil-karozza. Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-pulizija li qegħdin jinvestigaw dan l-inċident.

Pisani qal lil talk.mt li t-triq hija miftuħa għat-traffiku.

Aktar qabel: Mill-inqas persuna l-Isptar wara li karozza waqgħet minn għoli fir-Rabat Malta

Mill-inqas persuna waħda kellha tittiħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara li persuna tilfet il-kontroll tal-karozza li kienet issuq u spiċċa waqa’ minn għoli fi Triq l-Infetti fir-Rabat Malta. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-8.45pm.

Jirriżulta li wara li l-karozza waqgħet, mara li wkoll kienet fil-karozza rnexxiela toħroġ weħidha, u bdiet mixja. B’xorti tajba kienet għaddejja ambulanza u kien f’dan il-waqt li l-mara ħarġet fin-nofs tat-triq biex tiġbed l-attenzjoni.

Is-sewwieq tal-ambulanza mill-ewwel waqaf u bdew jagħtu l-ewwel għajnuna.

Bħalissa fuq il-post hemm diversi uffiċjali tal-pulizija li qegħdin jinvestigaw il-każ.

Aktar dettalji kif jaslulna.

Ekonomija

Sport