Mara ta’ 45 sena minn Ħaż-Żabbar ammettiet li serqet anzjana ta’ 84 sena li kienet tmur taħslilha l-art kull ġimgħa. F’sena sħiħa, hija serqet eluf ta’ ewro mingħandha li kienu jammontaw għal madwar €20,000.
Ulied l-anzjana talbu lista ta’ tranżazzjoni mill-bank u hemm indunaw li l-flus naqsu sew mill-kont bankarju ta’ ommhom.
L-akkużata, apparti li kienet tmur taħslilha l-art kull ġimgħa, hija kienet tmur għand l-anzjana bl-iskuża biex tgħinha.
Mill-investigazzjoni rriżulta li l-anzjana kellha kexxun fejn fih kellha l-credit card kif ukoll il-pin number. L-akkużata sabet il-pin number u kitbitu fuq il-mobile personali tagħha biex ma tinsihx.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ordnat biex l-akkużata tinħeles mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet. Fost dawn inħarġet garanzija personali ta’ €20,000 kif ukoll ġiet imwissija mill-Qorti biex ma tersaqx lejn ir-residenza tal-anzjana.
Il-Qorti spjegat ukoll li ma talbitx depożitu mal-ħelsien mill-arrest biex l-akkużata tuża l-flus biex tirrifondihom lill-vittma.