Saturday, December 21, 2024

Mara tieħu ritratti ta’ żewġha għarwien mat-tfal għas-separazzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Taljana ikkundannata tliet snin ħabs talli kellha ritratti ta’ żewġha għarwien mat-tfal kienet illiberata wara li l-imħallef li sema l-appell emmen il-verżjoni tagħha li riedet tużahom fil-kawża ta’ separazzjoni.

Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar biex ma tinkixifx l-identità ta’ ulied il-koppja, kienet mixlija b’korruzzjoni ta’ minorenni u li kellha materjal indiċenti li fih jidhru minorenni.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-Pulizija rċeviet rapport li għalliema f”summer school’ kienet qed turi lill-kollegi tagħha ritratti ta’ żewġha bla ħwejjeġ ma’ uliedhom.

Il-Pulizija arrestaw lill-mara li għadditilhom fajl b’ritratti li fihom żewġha u ż-żewġt itfal tagħhom, ta’ erba’ u tliet snin, kienu jidhru bla ħwejjeġ fil-kamra tal-banju u fil-kamra tas-sodda.

Fil-fajl kien hemm ukoll dokumenti ntiżi biex ikunu esebiti fil-kawża ta’ separazzjoni li kienet beħsiebha tiftaħlu.

L-Ispettur Joseph Busuttil, li investiga l-każ, xehed li waqt li hija qaltlu li riedet tonsob lir-raġel u tuża r-ritratti fil-kawża ta’ separazzjoni.

Min-naħa tiegħu żewġha qallu li ried isalva ż-żwieġ u ħaseb li l-azzjoni ta’ martu kienet xi tip ta’ fantasija seswali u aċċetta li jagħmel hekk biex isalva ż-żwieġ.

Fil-kawża rriżulta wkol li r-raġel kien iħobb joqgħod id-dar għarwien u li l-mara qatt m’akkużatu li għamel atti indiċenti ma’ uliedhom.

Wara li nstabet ħatja u kienet ikkundannat tliet snin ħabs, il-mara appellat quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti .

Wara li reġa’ sema x-xhieda tagħha u ta’ dawk involuti, huwa irrimarka li għalkemm ma setax u ma kienx se jgħaddi ġudizzju kontra l-missier, ir-ritratti kienu li kienu u ma setax jifhem kif omm tasal biex tittollera sitwazzjoni bħal din u ma tieħux il-passi meħtieġa immedjatament u minflok tagħżel li tieħu ritratt wara l-ieħor b’uliedha soġġetti għal “indiċenza ta’ livell inspejgabbli”.

L-Imħallef Grixti iddeskriva wkoll l-aġir tagħha bħala wieħed “perikoluż u azzardat” għax ma kienx hemm ħtieġa li tieħu dawk ir-ritratti kollha.

Fl-istess waqt huwa sostna li jeżisti dubju dwar kemm il-mara kellha intenzjoni ħażina meta ħadet ir-ritratti li fihom jidhru wliedha u għalhekk laqa’ l-appell u ħassar is-sentenza.

Fil-kors ta’ din il-kawża t-Taljana kellha tgħinha lill-Avukat Cinzia Tomasuolo.

Ekonomija

Sport