Mara ta’ 23 sena residenti l-Birgu ingħatat il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet wara li ġiet mixlija li qabdet sikkina u anke li tajret bil-karozza lil missier it-tliet uliedha. It-tfal għandhom seba, ħamsa u tliet snin.
Hekk kif beda jinstema l-każ, l-allegat vittma qal li ma jridx ikompli bil-proċeduri kontra omm uliedu, iżda l-Qorti ddeċidiet li dawn għandhom jitkomplew.
Hija ġiet mixlija li nhar it-Tnejn li għadda meta kienet f’Raħal Ġdid bdiet thedded lil missier uliedha b’sikkina. Hija ġiet mixlija wkoll li fil-25 ta’ Mejju li għadda saqet karozza għal fuq l-allegat vittma.
Fost akkużi oħrajn li wieġbet mhux ħatja għalihom, hemm li għamlet ħsara d-dar tal-vitma, u li inġurjat, użat kliem ta’ theddid lil missier uliedha bil-kliem.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech ta l-ħelsien mill-arrest lill-omm fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Hija trid tiffirma l-għassa.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-omm ta’ tlett itfal. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-allegat vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.