Mara ta’ 50 sena residenti r-Rabat Malta nstabet ħatja li waqt li kienet qiegħda ssuq laqtet raġel li kien fuq scooter elettriku. Ir-raġel kien għaddej kontra d-direzzjoni tat-traffiku.
Hija kienet mixlija li fis-26 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu waqt li kienet ir-Rabat, qet b’manjiera traskurata u perikoluża u li kkaġunat offiża ħafifa fuq raġel u ħsara fl-iscooter.
Fix-xhieda tiegħu, ir-raġel qal li kien qed isuq taħt il-bankina meta laqtitu u konsegwenza ta’ dan hu spiċċa wara minn fuq l-iscooter.
Min-naħa tagħha l-imputata qalet li hekk kif daret fit-triq sabet lir-raġel ma’ wiċċha waqt li insistiet li bilkemm missitu.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fis-sentenza tagħha qalet li mill-provi mressqa rriżulta li l-vittma kellu parti mit-tort għal dan l-inċident għax kien qed isuq kontra d-direzzjoni tat-traffiku.
Iżda fl-istess ħin, il-Qorti qalet li l-imputata kellha d-dover li ssuq b’aktar attenzjoni meta kienet qiegħda ddur il-kantuniera u kien għalhekk li sabitha ħatja tal-akkużi.
Hija ġiet immultata €100, kif ukoll skwalifikatilha l-liċenzja tas-sewqan għal 8 ijiem u naqqsitilha 3 punti mil-liċenzja tas-sewqan.

