Monday, August 11, 2025

Mara tintbagħat seba’ snin ħabs wara li daħħlet f’Malta kannabis b’valur ta’ €250,000

Aqra wkoll

Marta Martin Danobeitia ta’ 32 sena ġiet ikkundannata seba’ snin ħabs wara li ammettiet li ħames snin ilu pprovat iddaħħal il-kannabis f’Malta.

Il-mara kienet mixlija li pprovat iddaħħal id-droga mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-14 ta’ Ottubru tal-2020. Hija kienet ġiet arrestata flimkien ma’ persuna oħra hekk kif waslu minn titjira minn Sevilja fi Spanja.

L-Uffiċjali tad-Dwana kellhom suspett f’Danobeitia u wara li saret tfittxija fil-bagalja tagħha kienet nstabu seba’ pakketti b’6.89kg ta’ materjal aħdar li rriżulta li kienu partijiet mill-pjanta tal-kannabis.

Fil-bagalja tal-persuna li kienet mal-imputata kienu nstabu sitt pakketti tad-droga li kif fihom piż ta’ 5.94kg. Minn testijiet li saru rriżulta li d-droga kellha perċentwal ta’ cannabinoid ta’ 12% u valur totali fis-suq ta’ €243,770.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li minn investigazzjoni li kienet saret kien ġie stabbilit li l-bagalji kienu nxtraw flimkien u kampjuni minn fuq il-pakketti rriżultaw pożittiv għall-profil ġenetiku tal-kompliċi tal-akkużata.

L-imputata ammettiet għall-akkużi kollha wara li kien hemm ftehim bejn il-Prosekuzzjoni u d-difiża dwar il-piena. Il-Qorti laqgħet it-talbiet fil-patteġġjament u kkundannat lil Danobeitia seba’ snin ħabs effettivi u multa ta’ €15,000.

Hija kienet ordnata wkoll biex tħallas €2,070 fi spejjeż tal-esperti mqabbda mill-Qorti.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tad-droga iżda mhux il-qerda tagħha, peress li l-proċeduri kontra l-kompliċi ta’ Danobeitia għadhom għaddejjin.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport