Saturday, November 23, 2024

Mara tirrapporta lill-Pulizija li żewġha qed isegwiha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 45 sena mill-Ħamrun baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq fil-Qorti mixli li segwa lil martu meta maġistrat kien ordnatlu ma jagħmilx dan.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex tiġi protetta l-identita tal-mara u tat-tlitt itfal li għandhom, kien akkużat li fl-20 ta’ Mejju li għadda u fil-ġranet ta’ qabel segwa lil martu, taha fastidju u kiser l-ordni mposta mill-Maġistrat Astrid May Grima fit-28 ta’ Frar li għadda.

L-Ispettur Paula Ciantar, li investigat il-każ, spjegat lill-Maġistrat Ian Farrugia kif il-mara qaltilha li hija semgħet lil żewġha jirrejżja l-karozza quddiem il-bieb tad-dar fejn tgħix ma’ uliedha.

Hija rrappurtat ukoll kif huwa ċemplilha diversi drabi fuq it-telefon ċellulari u anke fuq il-post tax-xogħol tant li spiċċat qalgħet twissija mill-imgħallem tagħha.

L-Avukat Charles Mercieca, li qed jidher għar-raġel, insista li l-klijent tiegħu ma kienx bniedem vjolenti u sostna li huwa nnifsu ma jridx jikkomunika ma’ martu aħseb u ara kemm qed jippersegwitaha.

Għalkemm talab għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, il-Maġistrat Farrugia ċaħadlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn irrimarka li minħabba l-karattru xi ftit diffikultuż tiegħu ma joffrix garanzija li se jobdi l-ordnijiet.

Sport