Mara Taljana li ġibdet mijiet ta’ pellegrini biex iqimu statwa ta’ Marija Bambina li tibki “dmugħ tad-demm” qed tiġi investigata għall-frodi. Gisella Cardia, ta’ 55 sena minn Sqallija, li isimha veru hu Maria Giuseppe Scarpulla, tista’ tiffaċċja proċess ġudizzjarju wara li test tad-DNA indika li t-tebgħat tad-demm fuq wiċċ l-istatwa ta’ Marija Bambina kien tagħha.
Cardia, li kienet sostniet ukoll li l-istatwa kienet qed tittrasmetti messaġġi lilha, is-sena l-oħra ġiet iddikjarata frodista mill-knisja Kattolika Rumana, li sussegwentement issikkat ir-regoli tagħha dwar fenomeni sopranaturali.
Il-prosekuturi fil-belt tal-port ta’ Civitavecchia fetħu l-investigazzjoni ta’ frodi fuq Cardia fl-2023 wara li investigatur privat kien iddikjara li d-demm fuq l-istatwa, li dak iż-żmien kienet imqiegħda f’kaxxa tal-ħġieġ fuq l-għoljiet fil-belt ta’ Trevignano Romano qrib Ruma, kien ta’ ħanżir.
Xi nies anki allegaw li ġew iffrodati minn Cardia, li ħolqot fondazzjoni biex tiġbor donazzjonijiet li qalet se jmorru biex jitwaqqaf ċentru għat-tfal morda.
Il-prosekuturi ordnaw it-testijiet tal-laboratorju mingħand Emiliano Giardina, ġenetista forensiku li kien ħadem fuq il-każ ta’ Yara Gambirasio, żagħżugħa li nqatlet fl-2010.
Il-gazzetta Corriere della Sera rrappurtat li t-testijiet tad-DNA, li tlestew nhar il-Ħamis, attribwixxew it-tbajja’ tad-demm għall-profil ġenetiku ta’ Cardia. Ir-riżultat mistenni jingħata lill-prosekuturi fit-28 ta’ Frar.
L-avukat ta’ Gisella Cardia, Solange Marchignoli, issuġġeriet li l-preżenza tad-DNA ta’ Cardia ma teskludix il-fenomenu sopranaturali. Sostniet ukoll li t-tbajja tad-demm jiġġustifikaw aktar investigazzjoni biex isir magħruf jekk humiex profil imħallat jew wieħed uniku.
Skont l-avukatessa Marchignoli, filwaqt li kien ovvju li kien se jkun hemm traċċi tad-DNA ta’ Cardia fuq l-istatwa, dan seta sar minħabba li Cardia kienet tbus l-istatwa u għalhekk it-traċċi tad-DNA setgħu possibilment tħalltu ma’ dak tal-Verġni Marija.
Cardia, li diġa kienet instabet ħatja ta’ frodi ta’ falliment, xtrat l-istatwa fl-2016 waqt pellegrinaġġ Kattoliku f’Medjugorje fil-Bosnja u Ħerzegovina. Iktar tard, is-sit li ħolqot fi Trevignano Romano sar il-qofol tal-pellegrinaġġi b’nies minn madwar l-Italja u pajjiżi oħra jiġru lejn il-belt għal adorazzjoni ta’ kull xahar, ħafna drabi b’irritazzjoni għar-residenti lokali.
Allegatament hija telqet minn Trevignano, iżda mhux ċar fejn tinsab bħalissa. L-avukat Marchignoli stess qalet li ma tafx fejn tinsab, iżda li kienet taf żgur hu li Cardia hi mqanqla minn fidi profonda u m’għandha xejn x’tiggwadanja minn dan il-każ.