Illum, għall-ħabta tas-12.40pm, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fil-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġ nisa mill-Kirgiżistan u għandhom 48 u 23 sena, sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar u ttellgħu l-art minn xi nies li kienu fil-viċinanzi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet liż-żewġ nisa l-Isptar Mater Dei.
Aktar tard, sfortunatament, il-mara ta’ 48 sena ġiet iċċertifikata li tilfet ħajjitha, filwaqt li l-persuna l-oħra tinsab f’kundizzjoni stabbli.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Franco Agius LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.



