Raġel mill-Maċedonja li tressaq fil-Qorti mixli li stupra lil martu li hi tqila ra l-proċeduri fil-konfront tiegħu jieqfu ħesrem wara li fl-awla l-vittma qalet li kienet qiegħda taħfirlu.
Huwa kien mixli li wettaq atti ta’ natura mhux kunsenswali fuq martu, li żammha kontra l-volontà tagħha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.
Il-Qorti semgħet kif il-vittma kienet allegat li nhar il-Ġimgħa li għadda, meta żewġha rritorna lura d-dar, ipproċeda billi jwettaq atti sesswali fuqha, minkejja li hija kienet irrifjutat dan.
Wara li waqaf, il-mara kienet ċemplet lil ommha, li tgħix barra minn Malta u din tal-aħħar kienet infurmat lill-pulizija dwar il-każ. Sussegwentement, l-imputat kien arrestat.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kien f’dan il-mument meta martu esprimiet ix-xewqa li taħfirlu u twaqqaf il-proċeduri fil-Qorti.
Hija telgħet ukoll fuq il-pedana tax-xhieda fejn qalet li tispera li żewġha kellu żmien biżżejjed biex jirrifletti fuq l-imġiba tiegħu. Wara li l-Maġistrat staqsieha jekk kellhiex xi pressjoni fuqha, hija wieġbet li le.
Il-Maġistrat Axiak indirizza lill-akkużat u qallu li llum martu kienet qed twaqqaf il-proċeduri kontrih u potenzjalment kienet qed tiffrankalu l-ħabs. Wissieh biex ma jkunx kodard u jerġa’ jagħmel dak li għamel waqt li qallu b’li għamel m’uriex li hu raġel anzi wera kemm mhuwiex.
Waqt li qallu li jittama li ma jerġax jarah, il-Maġistrat Axiak ordna l-waqfien tal-proċeduri fil-konfront tar-raġel.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Christian Cauchi. L-Avukat Martina Herrera dehret għall-imputat.

