Raġel ta’ 40 sena millMaċedonja tressaq ilQorti mixli li ħebb għas-sieħba li hija tqila iżda l-każ waqa’ wara li hija talbet li jieqfu l-proċeduri kontrih. Fl-awla, il-mara qalet li temmen li huwa aġixxa b’dak ilmod għax allegatament seta’ kien hemm min iddrogah.
Ir-raġel ġie mixli li fil-11 ta’ Marzu li għadda f’San Ġiljan, ħebb għas-sieħba u kkaġunalha ġrieħi ħfief, li insultaha u heddidha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.
Fil-Qorti, il-mara qalet li xtaqet li tirtira l-ilment tagħha li kien wassal biex jinħarġu l-akkużi fil-konfront tas-sieħeb tagħha. Hija sostniet li għandhom tlitt itfal flimkien, qed tistenna tarbija oħra minn tiegħu u li r-relazzjoni ta’ bejniethom issa hija tajba.
Il-Maġistrat Rachel Montebello staqsiet lill-mara x’wassalha biex tkun żgura daqshekk li mhux se jerġa’ jkun hemm każ ieħor simili, anke fid-dawl li fl-akkużi jissemma’ każ ieħor li allegatament seħħ f’Jannar li għadda.
Hija wieġbet li s-sieħeb tagħha qatt ma kien hekk qabel u li hemm min qed jipprova jifridhom. Fuq il-pedana tax-xhieda, il-mara kkonfermat li ma tixtieqx li jitkomplew il-proċeduri kontrih u li ma tridx lanqas il-protezzjoni mill-Qorti.
Hija qalet ukoll li ma kienet influwenzata minn ħadd biex tieħu din id-deċiżjoni. Il-Qorti, wara li semgħet lil-vittma tiddikjara dan kollu, laqgħet it-talba u ordnat li jieqfu dawn il-proċeduri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. L-Avukat Francesca Zarb dehret għar-raġel.