Mara u raġel tressqu l-Qorti mixlija li aktar kmieni dan ix-xahar iċċirkolaw flus foloz f’Raħal Ġdid.
Clinton Bugeja Camilleri ta’ 39 sena u mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti tressqu separament il-Ħadd fejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-Ispettur Gabriel Kitcher spjega fil-Qorti kif il-każ kellu l-bidu tiegħu wara li anzjan irrapporta li mara li kienet qiegħda ġġorr pushchair avviċinatu u talbitu jsarrfilha €20.
Il-karta tal-€20 dehret li kienet ġenwina però kellha miktuba fuqha l-kliem “prop copy”. Jumejn wara, il-pulizija kienet irċeviet rapport ieħor simili.
Mid-deskrizzjoni tal-mara, il-pulizija waslu biex jarrestaw lilha u lill-imputat Bugeja Camilleri.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-mara fuq garanzija personali ta’ €7,000. Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li l-imputat l-ieħor jingħata l-libertà proviżorja wara li argumentat li huwa allegatament kien qed jikseb il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’każ ieħor.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Gabriel Kitcher, Karen Kamen Cassar u Francesca Maria Calleja.
L-Avukat Silvan Pulis deher għal Bugeja Camilleri mentri l-mara kienet assistita mill-Avukat Franco Debono.

