Wednesday, December 25, 2024

Marad fil-pandemija ta’ mitt sena ilu, baqa’ ħaj fit-Tieni Gwerra Dinjija u issa rebaħ ukoll lill-Covid19

Aqra wkoll

Matul din il-pandemija smajna b’ħafna li rnexxielhom jgħixu minkejja li kellhom età kbira u kienu spiċċaw infettati bil-Covid19. Smajna b’diversi stejjer fejn anzjani li kienu għalqu l-mitt sena fiequ mill-Covid19. Xi wħud minnhom kienu anke twieldu fil-pandemija ta’ mitt sena ilu. Stejjer li ispiraw lil ħafna, għalkemm mhux kulħadd kellu l-istess xorti għax kien hemm oħrajn li l-Covid19 temmilhom ħajjithom.

Wieħed minn dawk li rnexxielhom jibqa’ ħaj mill-pandemija ta’ mitt sena ilu u issa minn din il-pandemija hu Milton Zaczek. Mhux hekk biss imma hu kien baqa’ ħaj ukoll fit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn hu kien suldat li ġġieled fil-Ġappun.

Proprju ftit ġimgħat ilu, Milton għalaq sninu. Illum għandu l-età ta’ 101 snin. Ftitt jiem wara li għalaq snin irċieva aħbar xejn sabiħa. Kien ġie ċċertifikat li hu pożittiv għal Covid19. Milton, irnexxielu jirkupra.

Hu jgħix f’Phoenix f’Arizona. Jiftakar sew il-kunflitt tat-Tieni Gwerra Dinjija. Kien fost dawk li ġġieldu fil-Ġappun. Fi kliemu stess, “wieħed mis-suldati li kelli ħdejja, intlaqat f’saqajh meta l-Ġappuniżi fetħu in-nar fuqna. Jien kaxkartu lil hinn minn fejn kien qed isir l-isparar. Għamilt li stajt sakemm waslet l-għajnuna” jgħid Milton.

Ħajtu xejn ma bdiet fuq nota pożittiva. Kien marad fil-pandemija ta’ mitt sena ilu. Jgħid li kien marid ħafna b’ommu tgħidlu li kellu deni qawwi ħafna.

F’Novembru ta’ din is-sena, hu kien qed jippjana li joħroġ dawra ma’ ħabib tiegħu bil-karozza.  Ġara iżda li ħassu ma jiflaħx u informa lil sieħbu li kien marid. Kien hawn li hu ġie ċċertifikat li kien qed ibati mill-Covid19.

Hu spiċċa l-isptar, iżda l-kundizzjoni tiegħu tjiebet u intbagħat biex ikompli jirkupra bil-mod f’daru. Ma jonqosx li jirringrazzja lit-tobba għad-dedikazzjoni tagħhom.  Hu jinsab ippreparat li jkompli jagħmel l-affaijiet li jħobb, fost dawn jesplora Arizona. 

Ekonomija

Sport