Thursday, December 26, 2024

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq STEP UP FOR PARKINSON’S

Aqra wkoll

Bejn nofsinhar u nofsillejl tal-lum is-Sibt 5 ta’ Novembru ser tkun qiegħda ssir maratona ġbir ta’ fondi b’risq l-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s. Din il-maratona ser tkun qiegħda tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet Fliving, Net TV u One TV.

It-tema ta’ din il-maratona hija Mad-Daqqa Niżfnu għaliex il-persuni milquta b’din il-kundizzjoni jirrikorru għaż-żfin bħala terapija. Step Up For Parkinson’s ilha għal dawn l-aħħar 6 snin toffri servizz b’xejn f’diversi lokalitajiet hawn Malta sabiex il-persuni li għandhom il-Parkinson u l-familjari tagħhom jingħataw għajnuna mhux biss fiżika, imma wkoll soċjali u emozzjonali.

Ix-xandira televiżiva tal-lum ser tkun qiegħda xxandar diversi stejjer umani ta’ persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni kif ukoll ta’ familjari li jġarrbu tbatijiet kemm waqt li l-persuna tkun qiegħda ssofri bil-marda tal-Parkinson kif ukoll meta din tiġi nieqsa. Step Up For Parkinson’s tagħti l-appoġġ sħiħ sabiex ittaffi t-tbatijiet ta’ dawn il-persuni.

Uħud minn dawn il-persuni huma magħrufa lokalment, bħalma huwa l-ex referee internazzjonali u viċi-president tal-MFA Adrian Casha li jgħix bil-Parkinson, kif ukoll il-preżentattriċi magħrufa Stephanie Spiteri, li ftit xhur ilu tilfet lil missierha wara għadd ġmielu ta’ snin jikkumbatti din il-marda.

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mistieden sabiex illum ikun ġeneruż u jagħmel differenza fil-ħajja ta’ xejn inqas minn elfejn persuna li f’pajjiżna jbatu b’din il-kundizzjoni newroloġika sabiex Step Up For Parkinson’s tkun tista’ tiftaħ Ċentru li joffri kura speċjalizzata bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ekonomija

Sport