Saturday, May 17, 2025

Maratona ta’ 27 siegħa għawm mill-Birżebbuġa Aquatic & Sports Club

Aqra wkoll

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-70 anniversarju tal-Birżebbuġa Aquatic & Sports Club, tħabbret attività speċjali u rekord ta’ 27 siegħa għawm li se ssir bejn is-Sibt 31 ta’ Mejju u l-Ħadd 1 ta’ Ġunju 2025.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiġbor fondi b’risq il-familji fil-bżonn fil-lokalità ta’ Birżebbuġa kif ukoll għall-Caritas Malta.


Matul dawn is-27 siegħa, żewġ plejers tat-tim tal-waterpolo tal-klabb se jkunu kontinwament fil-pixxina, alternati bejn xulxin biex jintlaħaq l-għan maħsub.

Barra minn hekk, tul il-maraton se jsiru wkoll diversi attivitajiet oħra fosthom tournaments tal-waterpolo, għawm b’donazzjoni, sessjonijiet ta’ aqua aerobics, u klassijiet ta’ fitness fil-faċilitajiet tal-klabb.


Il-President tal-Birżebbuġa Aquatic & Sports Club Jason Bonnici qal li din l-attività tirrifletti r-ruħ komunitarja u l-impenn tal-klabb mhux biss fl-isport imma wkoll fis-servizz lejn il-komunità.

“Din l-attività tinvolvi aktar minn 100 persuna fosthom plejers tal-akkademja u tal-kbar, coaches, membri tal-kumitat, ġenituri u voluntiera oħra li qed jingħaqdu flimkien għal kawża nobbli,” saħaq Bonnici.


Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li din l-inizjattiva hija xhieda ċara tal-qalb b’saħħitha tal-volontarjat f’Malta u kif l-isport jista’ jkun ukoll għodda ta’ solidarjetà. Il-volontarjat jibqa’ wieħed mill-pilastri li fuqhom inkomplu nibnu pajjiż aktar ġust u inklussiv,”


Għall-konferenza stampa kienu preżenti wkoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali Birżebbuġa Scott Camilleri, Miguel Mifsud f’isem il-Caritas Malta, Josie Vella – missier Jake Vella, kif ukoll Edward Aquilina, kowċ tal-Birżebbuġa Aquatic & Sports Club.


Il-fondi li jinġabru ser jgħinu direttament lill-familji fil-bżonn f’Birżebbuġa permezz ta’ inizjattivi lokali u lill-Caritas Malta biex ikompli jespandi s-servizzi tiegħu lejn dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna.
 
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport