Il-goalkeeper ta’ Barcelona, Marc-Andre ter Stegen, se jitlef il-kumplament tal-istaġun wara li nhar it-Tnejn il-club Katalan qal li ġie operat fl-irkoppa wara li qata’ l-għerq.
L-internazzjonali Ġermaniż ta’ 32 sena nħareġ fuq stretcher wara li waqa’ b’mod skomdu fir-rebħa 5-1 f’La Liga tat-team tiegħu fuq Villarreal nhar il-Ħadd li għadda.
“Huwa sofra tiċrita kbira fl-irkoppa tal-lemin tiegħu,” qalu Barcelona fi stqarrija, bil-club aktar tard jikkonferma li l-goalkeeper kien operat b’suċċess.
Huwa se jitlef madwar tmien xhur, li jfisser li mhux probabbli li jerġa’ jilgħab għall-club dan l-istaġun.
Ter Stegen, li kien ikkritikat wara li għamel żball fit-telfa 2-1 ta’ Barcelona fiċ-Champions League f’Monaco nhar il-Ħamis, sofra l-injury qabel il-mistrieħ f’Estadio de la Ceramica ta’ Villarreal.
Inaki Pena ħa post Ter Stegen u se jkun is-sostitut tal-Ġermaniż, għalkemm Barcelona jistgħu jfittxu li jiffirmaw goalkeeper ieħor.