Wednesday, December 25, 2024

Marc Overmars jinħatar direttur tekniku ta’ Antwerp

Aqra wkoll

L-eks direttur ta’ Ajax, Marc Overmars, inħatar direttur tekniku mal-club tal- Belġju, Antwerp, ftit aktar minn xahar wara li ħalla l-impjieg tiegħu fit-tmexxija tal-club tal-Eredivisie minħabba imġieba mhux xierqa lejn kollegi nisa, tħabbar nhar it-Tnejn.

L-eks attakkant ta’ Arsenal u Barcelona, Overmars, 48 sena, ix-xahar li għadda waqa’ f’daqqa mill-impjieg tiegħu f’Ajax, hekk kif ammetta għal imġieba “inaċċettabbli” wara li kien ħareġ fi ħdan il-club li kien bagħat messaġġi u ritratti mhux xierqa lil diversi nisa li kienu jaħdmu miegħu.

Il-kap eżekuttiv ta’ Ajax, Edwin van der Sar, dak iż-żmien iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda “tal-biża’,” filwaqt li ċ-chairman tal-bord superviżorju tal-club, Leen Meijaard, qal li l-imġieba ta’ Overmars kienet “qabżet kull linja possibbli”.

Fil-preżentazzjoni tiegħu f’Antwerp, Overmars qal li l-kwistjonijiet f’Ajax kienu ġew ittrattati b’mod xieraq u ma kellhomx impatt fuq it-taħditiet tiegħu ma’ min iħaddmu mill-ġdid.

“Dak li ġara f’Ajax mhux se jerġa’ jiġri,” kien ikkwotat jgħid mix-xandar Belġjan, Sporza.

“Ninsab kuntent li qiegħed hawn. Huwa kapitlu ġdid għalija. Sfida sabiħa fi club fejn nara potenzjal li nikber.”

Il-manager ta’ Antwerp, Sven Jaecques, qal li ma kienx speċifikament tkellem ma’ ħaddiema nisa fil-club tiegħu dwar id-deċiżjoni li jiffirma lil Overmars.

“Huwa importanti li n-nies jingħataw opportunitajiet ġodda u li ndawru l-paġna,” qal Jacques.

L-eks internazzjonali Olandiż, Overmars, lagħab ma’ Ajax mill-1992 sal-1997 u sar direttur fl-2012. Huwa kien reġa’ ġie maħtur għal mandat ġdid sa nofs l-2026 ftit qabel it-tluq xokkanti tiegħu.

Overmars kien ġeneralment meqjus bħala l-arkitett tas-sensiela ta’ suċċessi ta’ Ajax f’dawn l-aħħar snin, hekk kif għolla s-salarji fil-club b’mod sinifikanti u rnex­xielu jdaħħal players tal-Premier League bħal Daley Blind, Dusan Tadic u Sebastien Haller.

Ekonomija

Sport