Marcelo Bielsa qal li jemmen li se jkun ‘prezzjuż li jara’ lit-team tiegħu ta’ Leeds United jiltaqa’ kontra r-rivali tal-Premier League Manchester United f’Elland Road nhar il-Ħadd.
Wara li l-partita tal-istaġun li għadda f’West Yorkshire ntlagħab bil-bibien magħluqa, l-istadium f’Elland Road se jimtela sa tmiem din il-ġimgħa, bil-partitarji ta’ Leeds se jkunu jistgħu isegwu lit-team tagħhom kontra r-Red Devils għall-ewwel darba fl-ogħla livell mill-2003.
Meta kellem lill-ġurnalisti qabel il-partita tal-Ħadd, Bielsa qal li jemmen li l-folla ta’ partitarji se tkun qed toħloq atmosfera memorabbli biex tgħin lit-team tiegħu jikseb riżultat pożittiv.
“Dejjem jappoġġjaw lit-team bla kundizzjoni. Diffiċli timmaġina appoġġ aħjar jew akbar minn dak li diġà rċevejna sa issa.”
“Il-preżenza ta’ avversarju klassiku żżid l-entużjażmu. Se tkun prezzjuża li narawha.”
“Naturalment, naħsbu aktar dwar dak li nistgħu nagħtu lill-pubbliku milli dak li nirċievu mingħandu. Il-players b’mod ġenerali jimmaġinaw it-tip ta’ logħba li se jkunu qed jaffrontaw. Logħba klassika hija dejjem ta’ sfida u dan huwa ferm. Motivanti għalina.”
Leeds, li tilfu 5-1 kontra Manchester United lura f’Awwissu li għadda, jistgħu jiċċaqalqu disa’ punti ‘l bogħod miż-żona tar-relegazzjoni kieku kellhom jiksbu punti massimi fi tmiem il-ġimgħa.