Il-‘prijorità’ ta’ Marcus Rashford dan is-sajf hi li jibqa’ ma’ Manchester United, sakemm jingħata garanziji fuq il-ħin tal-logħba.
L-internazzjonali Ingliż tħabat biex iħalli l-marka tiegħu mar-Red Devils matul l-istaġun 2021-22, u rnexxielu jirreġistra biss ħames gowls u żewġ assists fi 32 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Fil-Premier League, Rashford irreġistra biss erba’ gowls u żewġ assists f’25 partita, filwaqt li kien sostitut mhux utilizzat kontra Brentford nhar it-Tnejn wara li l-ġimgħa l-oħra xejn ma mpressjona kontra Chelsea.
Il-futur tal-player ta’ 24 sena kien is-suġġett ta’ ħafna spekulazzjonijiet fl-aħħar xhur, b’numru ta’ clubs, fosthom Arsenal u Paris Saint-Germain, jingħad li huma interessati fil-firma tiegħu.
Il-kuntratt ta’ Rashford f’Old Trafford għandu jiskadi fis-sajf li ġej, għalkemm il-club għandu l-għażla li jattiva estensjoni ta’ sena, li tista’ żżommu fil-club sa Ġunju tal-2024.