Marcus Rashford ammetta li għadu “imbarazzat” bit-telfa ta’ 5-0 ta’ Manchester United kontra Liverpool fil-Premier League nhar il-Ħadd li għadda.
Mohamed Salah skorja tliet goals, filwaqt li Diogo Jota u Naby Keita rreġistraw goal ukoll, hekk kif Liverpool irreġistraw suċċess kbir ta’ ħames goals kontra r-rivali eterni tagħhom.
Rashford qal li għadu “imbarazzat” mill-avvenimenti li seħħew fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iżda saħaq li r-Red Devils qed “jaħdmu qatigħ” biex jipprovaw “jirranġaw” is-sitwazzjoni tagħhom.
Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena sab ix-xibka f’żewġ okkażjonijiet fi tliet dehriet minn meta rkupra mill-operazzjoni fl-ispalla tiegħu li ġiegħlitu jitlef il-bidu tal-istaġun.
It-telfa kontra Liverpool ġabet pressjoni fuq il-manager Ole Gunnar Solskjaer, b’Antonio Conte marbut b’mod qawwi mal-pożizzjoni f’Old Trafford.
Madankollu, in-Norveġiż jidher li se jwassal lit-team fil-konfront tal-Premier League tas-Sibt kontra Tottenham Hotspur, fejn ir-Red Devils se jfittxu li jirritornaw għar-rebħ fil-Premier League għall-ewwel darba minn meta għelbu lil West Ham United f’nofs Settembru.