Thursday, February 19, 2026

Marda tropikali qawwija tista’ tiġi trasmessa fl-Ewropa

Aqra wkoll

Studju xjentifiku riċenti sab li marda tropikali li tikkawża wġigħ kbir imsejħa chikungunya issa tista’ tiġi trasmessa min-nemus madwar il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa. Temperaturi ogħla minħabba l-kriżi klimatika jfissru li l-infezzjonijiet issa huma possibbli għal aktar minn sitt xhur tas-sena fi Spanja, il-Greċja u pajjiżi oħra tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u għal xahrejn fis-sena fix-Xlokk tal-Ingilterra.

It-tisħin globali kontinwu jfisser li hija biss kwistjoni ta’ żmien qabel ma l-marda tespandi aktar lejn it-tramuntana, qalu x-xjentisti li wettqu l-istudju.
L-analiżi hija l-ewwel waħda li tivvaluta bis-sħiħ l-effett tat-temperatura fuq il-ħin ta’ inkubazzjoni tal-virus fin-nemusa tigra Asjatika, li invadiet l-Ewropa f’dawn l-aħħar deċennji.

L-istudju sab li t-temperatura minima li fiha jistgħu jseħħu infezzjonijiet hija 2.5C inqas minn stimi preċedenti, inqas robusti, li tirrappreżenta differenza “pjuttost xokkanti”, qalu r-riċerkaturi.

Il-virus Chikungunya ġie skopert għall-ewwel darba fl-1952 fit-Tanżanija u kien limitat għal reġjuni tropikali, fejn ikun hemm miljuni ta’ infezzjonijiet fis-sena. Il-marda tikkawża wġigħ qawwi u fit-tul fil-ġogi, li huwa estremament debilitanti u jista’ jkun fatali fit-tfal żgħar u fl-adulti anzjani.

Sandeep Tegar, fiċ-Ċntru tar-Renju Unit għall-Ekoloġija u l-Idroloġija (UKCEH) u l-awtur ewlieni tal-istudju, qal li r-rata tat-tisħin globali fl-Ewropa hija madwar id-doppju tar-rata tat-tisħin globali u l-limitu tat-temperatura aktar baxx għat-tixrid tal-virus huwa importanti ħafna, għalhekk l-istimi l-ġodda huma pjuttost xokkanti u l-espansjoni lejn it-tramuntana tal-marda hija biss kwistjoni ta’ żmien.

Skont Dr Steven White, ukoll fl-UKCEH, li kieku għoxrin sena ilu, xi ħadd kien jgħid li chikungunya u dengue se jaslu fl-Ewropa, kulħadd kien jgħidlu miġnun. Issa kollox inbidel. Dan minħabba din in-nemusa invażiva u t-tibdil fil-klima.
White, isostni wkoll li sas-sena l-oħra, Franza kienet irreġistrat madwar 30 każ ta’ chikungunya matul l-aħħar 10 snin. Is-sena l-oħra, kellhom aktar minn 800 każ. 

In-nemusa tiger Asjatika (Aedes albopictus), li tigdem matul il-jum, qed timxi lejn it-tramuntana madwar l-Ewropa hekk kif it-temperaturi jogħlew. Ġet skoperta wkoll fir-Renju Unit iżda għadha mhix stabbilita. Hemm vaċċini għaljin għaċ-chikungunya iżda l-aħjar protezzjoni hija li tiġi evitata gidma.

Dr Diana Rojas Alvarez, li tmexxi t-tim tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-viruses trażmessi minn gdim tal-insetti u l-qurdien, qalet li “dan l-istudju huwa importanti għaliex jindika li t-trażmissjoni fl-Ewropa tista’ ssir saħansitra aktar evidenti maż-żmien.”

Skont l-istudju, il-klima għandha impatt kbir fuq dan, iżda l-Ewropa għad għandha ċ-ċans li tikkontrolla dawn in-nemus milli jinfirxu aktar. L-edukazzjoni komunitarja dwar it-tneħħija tal-ilma qiegħed fejn ifaqqas in-nemus hija għodda importanti, filwaqt li l-ilbies ta’ ħwejjeġ twal u ta’ kulur ċar u l-użu ta’ ripellant jipprevjenu l-gdim. 

L-istudju, ippubblikat fil-Journal of Royal Society Interface, uża dejta minn 49 studju ta qabel dwar il-virus chikungunya fin-nemus tiger biex jiddetermina l-ħin ta’ inkubazzjoni fil-firxa ta’ temperaturi għall-ewwel darba.

L-istudju sab li l-limitu tat-temperatura għat-trażmissjoni hija 13C-14C, li jfisser li l-infezzjonijiet jistgħu jseħħu għal aktar minn sitt xhur tas-sena fi Spanja, il-Portugall, l-Italja u l-Greċja, u għal tlieta sa ħames xhur tas-sena fil-Belġju, Franza, il-Ġrmanja, l-Iżvizzera u tużżana pajjiżi Ewropej oħra.

It-temperatura minima kienet stmata qabel għal 16C-18C, li jfisser li hemm riskju ta’ tifqigħat ta’ chikungunya f’aktar żoni u għal perjodi itwal milli kien maħsub qabel.

It-tifqigħat fl-Ewropa huma kkawżati minn vjaġġaturi infettati li jirritornaw minn reġjuni tropikali u jingidmu minn nemus tiger lokali, li mbagħad ixerrdu l-marda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport