Monday, October 13, 2025

Maria Nayler … tibqa’ prova ħajja li l-mużika m’ għandhiex età

Aqra wkoll

Hemm vuċijiet li, ladarba tisma’ darba, tibqa’ tiftakarhom għal dejjem. Waħda minn dawk hija bla dubju dik ta’ Maria Nayler, il-kantanta Ingliża li kisbet fama internazzjonali grazzi għall- kanzunetti bħal “One & One” ma’ Robert Miles u “Naked and Sacred”, li għal ħafna huma żewġ innijiet tal-mużika elettronika li għadhom jinstemgħu b’emozzjoni sal-lum. Bil- personalità umli, ħerqana u sinċiera, Nayler irritornat Malta għal darb’oħra. Fil-fatt hi tinsab hawn għall-ħames darba biex tagħti spettaklu ieħor mimli enerġija, nostalġija u passjoni.

“Mhux l-ewwel darba tiegħi f’Malta,” qalet bi tbissima waqt li konna nitkellmu magħha ftit sigħat qabel il-prestazzjoni tagħha. “Din hija l-ħames darba tiegħi, u jiena nħobb lil Malta. Il-post hu sabiħ, in-nies għandhom qalbhom tajba u t-temp u l-klima hi tajba, il-Mediterran għandu l-atmosfera speċjali u s-sbuħija ta’ dawn il-pajjiżi hi inkredibbli.”

Maria Nayler kienet l-ewwel darba f’Malta flimkien mal-produttur J Joy, DJ Malti magħruf f’diversi pajjiżi Ewropej. “Sirt naf b’Malta permezz ta’ J Joy, u minn hemm ‘il quddiem bdejt naħdem ma’ ħafna promoturi lokali. Dejjem ninduna kemm hawn enerġija sabiħa u pubbliku li japprezza l-mużika vera,” tgħid hi. Din ir-relazzjoni li żviluppat mal-gżejjer Maltin turi kemm l-ambjent u l-kultura tagħna jħallu impatt fuq artisti internazzjonali.

Nayler bdiet il-karriera tagħha fis-snin tmenin bħala parti minn grupp indie Ingliż, iżda malajr sabet id-destin tagħha fil-mużika elettronika. L-enerġija, l-ispazju għall-esperimentazzjoni u l-possibbiltà li tesprimi l-emozzjonijiet tagħha f’forma ferm moderna u innovattiva kienu dak kollu li kienet qed tfittex. Il-kollaborazzjoni ma’ Robert Miles fuq “One & One” fl-1996 kienet il-bieb li fetħilha s-successi kollha.

Il-kanzunetta laħqet l-ewwel post fil-charts ta’ pajjiżi bħall-Ġermanja, Franza u Spanja, u kienet suċċess kbir anke fir-Renju Unit. “Dak il-ħin kollox kien qisu  maġija,” tiftakar Maria. “Konna fi żmien fejn il-mużika elettronika kienet qed tissaħħaħ, imma ‘One & One’ kellha qalb differenti. Ma kinitx biss kanzunetta taż-żfin – kienet emozzjoni.”

U tabilħaqq, il-vuċi tagħha dejjem toħloq sentiment ta’ vulnerabbiltà u intimità li ftit li xejn kien komuni fil-mużika elettronika dak iż-żmien. L-istess jista’ jingħad għal “Naked and Sacred”, kanzunetta li kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha bħala artista li tgħaqqad il-pop, il-trance u s-soul b’mod organiku u eleganti.

“Naked and Sacred”, “Touch Me in the Morning” u “Silence” huma tliet siltiet tant ghal qalb Maria Naylor u li impossibbli tinsiġhom.

Meta staqsejnieha dwar ir-repertorju tagħha għal din il-lejla f’Malta, Nayler semmiet b’entużjażmu: “Se nkanta l-aqwa mużika tiegħi – ‘Naked and Sacred’ u ‘One & One’, żewġ kanzunetti li jġorru ħafna memorji għalija. Imma wkoll se nagħmel ‘Touch Me in the Morning’ u ‘Silence’. Huma kanzunetti li, għalija, għandhom sens spiritwali, bħallikieku jġibu lilna eqreb lejn xi ħaġa aktar profonda.”

Il-mużika tagħha ma kinitx biss dwar is-suċċess jew iċ-charts. Għaliha, kienet dejjem dwar il-qalb u l-verità interna tagħha bħallikieku dan kollu hu parti minn hajjitha. “Jekk hemm xi ħaġa li tgħallimt tul is-snin, hi li trid tagħmel il-mużika tiegħek mill-qalb. Il-pubbliku jħoss meta tkun sinċier u taghmel l-affarijiet mill-qalb,” tgħid b’ton li juri kemm temmen f’dak li qed tgħid.

Meta d-diskors waqa’ fuq kif inbidlet il-mużika matul is-snin, Nayler ammettiet li r-rivoluzzjoni teknoloġika bidlet kollox. “Il-mużika nbidlet ħafna – minn analog għal diġitali, il-ħoss, il-mod kif inħarsu lejn il-produzzjoni. Illum għandek ħafna autotune, diversi programmi tal-muzika, u issa saħansitra għandna l-intelliġenza artifiċjali. Imma xorta nemmen li l-qalba tal-mużika tibqa’ l-istess: l-emozzjoni li tpoġġi fiha.

Għal Maria Nayler, it-teknoloġija tista’ tkun għodda, imma l-vera arti tidħol meta l-artist juri min hu tassew. Hija tgħid li l-proċess kreattiv tagħha baqa’ wieħed naturali u personali: “Jien għadni nkanta b’emozzjoni, anke jekk qed nuża mikrofonu modern jew sistemi diġitali. Il-verità hija li l-vuċi tal-bniedem tibqa’ l-aktar wahda naturali u sabiħa.

Nayler tgħid li Malta kienet parti minn vjaġġ personali u mużikali li jkopri diversi fażijiet tal-ħajja tagħha. “Ġejt hawn meta kelli għoxrin sena, imbagħad fit-tletin, erbgħin, u issa fis-snin ħamsin sena tiegħi. U nista’ ngħid li Malta nbidlet ħafna – in-nies, il-postijiet, il-mużika wkoll. Imma x-xemx u l-ospitalità Maltija baqgħu l-istess,” tgħid b’tbissima nostalġika.

Hija tqis lil Malta bħala wieħed mill-ftit postijiet fejn tħossha  b‘mod paċifiku, fejn tista’ tintrabat man-natura u mal-enerġija tan-nies. “Kull darba li niġi, inħossni qisha d-dar. U kull darba nitgħallem xi ħaġa ġdida – dwar il-pubbliku, dwar il-mużika u dwarbmnnifsi.u meta ngħid in-natura qed nirreferi l-iktar għall-baħar li hawnhekk hu ferm meravil-mużika.

Meta staqsejnieha x’messaġġ tixtieq tħalli lill-artisti żgħażagħ, Nayler kienet ċara ħafna: “Agħmlu l-mużika mill-qalb. Tħallux il-media jew il-likes ta’ Facebook jeffettwawkom. Uża t-talenti tieghek u tirnexxi. Jekk tħoss xi ħaġa, kantaha mill-qalb. Jekk trid tgħid xi ħaġa, għidha permezz tal-mużika tiegħek. Dak hu l-veru suċċess.”

Maria Nayler tibqa’ meqjusa bħala waħda mill-aktar vuċijiet rispettati tal-mużika elettronika u dance. Għal ħafna, hija l-ikona li tat ruħ lil ġenerazzjoni ta’ mużika li qabel kienet meqjusa stramba. Bil-vuċi tagħha, żiedet sens ta’ umanità, emozzjoni u sbuħija li ma tmut qatt.

Illum, hekk kif tinsab f’nofs vjaġġ artistiku li jkopri aktar minn tliet deċennji, Maria Nayler tibqa’ prova ħajja li l-mużika m’ għandhiex età. Il-ħin, it-teknoloġija u l-moda jistgħu jinbidlu, imma meta l-arti tiġi mill-qalb, tibqa’ dejjemnrilevanti. U f’Malta l-vuċi ta’ Nayler reġgħet sabet il-post perfett biex tinstema’ – vuċi li tfakkarna li l-mużika, tassew, hija kemm awtentika u ġenwina ”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport