Friday, November 22, 2024

“Marida u ma nistax noħroġ mid-dar…fi żmien xahar u nofs se nispiċċa barra jew f’xelter”

Kienu talbuni €650 ta’ kamra waħda b’xower, kċina u sodda

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tbati fis-skiet. Ħafna drabi bejn l-erba’ ħitan tad-dar tagħha. Kundizzjoni medika li la tħalliha taħdem u kważi kważi lanqas toħroġ mid-dar tagħha. Tgħix bil-benefiċċji. Ħajja xejn faċli għax tgħix waħidha b’€600 fix-xahar. Proprju fl-aħħar ġimgħat, kellha tiffaċċja problema ġdida. Dik li trid issib akkomodazzjoni biex tgħix fiha għax fejn qiegħda tawha sa l-aħħar ta’ Awwissu u trid toħroġ. Bdiet ġirja kontra l-ħin tipprova ssib akkomodazzjoni, iżda sabet biss bibien magħluqin.

Dan għax f’pajjiżna żviluppat sitwazzjzoni fejn min jikri appartament jippreferi jikri għal numru ta’ nies li jgħixu f’appartament milli għal xi ħadd waħdu. Dan għax b’aktar nies fl-appartament id-dħul ikun akbar. Persuna waħidha fuq il-benefiċċji qiegħda litteralment issibha impossibbli biex tikri. F’każ li ma ssibx saqaf fuq rasha, l-unika alternattiva li jibqgħalha hi dik li tmur ġo xelter. U anki hawn issib problema oħra ma wiċċha, dan għaliex ħafna xelters mimlijin.

Dawn huma l-isfidi li qiegħda tħabbat wiċċhom magħha Charmaine Calleja. Tkellimna magħha proprja fl-aħħar jiem. Il-weġgħat u l-karbiet tagħha huma kbar. Minkejja l-problemi issa għandha ukoll dan it-tħassib ġdid li tista’ tispiċċa bla saqaf fuqha rasha.

Tgħidilna li “qatt ma spiċċajt ġo xelter għalkemm xi xhur ilu għamilt xi żmien fl-Isptar Monte Carmeli. Ilni nfittex akkomodazzjoni imma waħdi ma jikrulix. Ma ħaddieħor ma nistax inmur għax jien bil-benefiċċji. Jgħiduli nikrulek kamra waħda. Din tkun litteralment kamra waħda, li jkun fiha shower, kċina żgħira u sodda. Talbuni €650 u anke fuqhom. Ġieli tkun studio flat u ġieli anke xi kamra f’xi garaxx. Spiċċajt anke iffrodata minn persuna waqt li kont infittex akkomodazzjoni. Spiċċajt bla flus.”

Charmaine tgħidilna li “mhux faċli tgħix. Veru hemm is-sussidju imma dan mhux biżżejjed. Tobba, mediċini u spejjeż oħra jinqalgħu. Kieku m’iniex veru fil-bżonn mhux se nitkellem.”

Tgħidilna li l-biża’ tagħha hi għax għandha sa l-aħħar ta’ Awwissu. “Qegħdin jippreferu jikru appartament bejn diversi persuni. Hawn min qed idaħħal €900 u €1,500 f’xahar ta’ appartament u allura mhux se jikru għal persuni waħdihom għax ma jaqblilhomx. Jien mara marida. Ma nistax naħdem għax ma noħroġx mid-dar u issa spiċċajt ma nistax nimxi sew minħabba l-kundizzjoni li qiegħda nbati biha.

Jekk ma nsibx post ta’ akkomodazzjoni soċjali sa l-aħħar ta’ Awwissu se jkolli nispiċċa barra jew f’xelter. Jien peress li qiegħda bil-benefiċċji ma nistax inmur ngħix f’appartament ma’ xi ħadd li jaħdem. Lesta li nmur imma peress li qiegħda bil-benefiċċji ma nistax u lanqas niflaħ nagħmnel dan. Tkellimt anke mal-awtoritajiet responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali u sa issa għadni nistenna. Nixtieq li ningħata l-għajnuna”.

Sport