Thursday, March 26, 2026

Mario Enriquez … il-karriera u l-impenn tiegħu huma eżempju ċar ta’ kif passjoni, dedikazzjoni u sens ta’ ġustizzja jistgħu jagħmlu differenza

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-qasam tal-boċċi f’Malta, hemm diversi persuni li, minkejja li mhux dejjem ikunu taħt l-attenzjoni diretta tal-pubbliku, jagħtu kontribut kbir biex dan l-isport jibqa’ ħaj u jikber. Fost dawn insibu lil Mario Enriquez, magħruf ukoll bħala “il-Manċin”, li tul is-snin bena reputazzjoni soda kemm bħala plejer tal-boċċi kif ukoll bħala referee rispettat f’din il-logħba tradizzjonali Maltija.

Mario Enriquez beda l-vjaġġ tiegħu fil-boċċi minn età żgħira ħafna. Huwa stqarr li kellu biss 14-il sena meta daħal għal dan l-isport, u diġà minn kmieni beda juri l-potenzjal tiegħu.

Fatt interessanti hu li, fl-ewwel snin tiegħu, anke rnexxielu jikkontrolla finali taż-żgħażagħ, esperjenza li żgur ħalliet impatt kbir fuqu u kabbru fih l-imħabba lejn il-boċċi. Bħal ħafna sportivi oħra, Enriquez kellu wkoll mumenti diffiċli, u f’perjodu minnhom kellu jieqaf minħabba problemi personali. Madankollu, dan ma waqqfux milli jerġa’ lura aktar b’saħħtu.

Fl-aħħar tliet snin, Enriquez sar membru attiv fil-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi u beda jiffoka aktar fuq ir-rwol ta’ referee. Dan kien pass importanti fil-karriera tiegħu, u wieħed li ġab miegħu responsabbiltà kbira. Fil-fatt, huwa stqarr li ġie mitlub jieħu ħsieb diversi finali, xi ħaġa li turi l-fiduċja kbira li għandhom fih l-amministrazzjoni ta’ din il-logħba.

Meta jitkellem dwar id-differenza bejn plejer u referee, Enriquez jagħmilha ċara li huma żewġ realtajiet kompletament differenti. “Bħala referee, moħħok ikun mistrieħ u tiffoka biss fuq dak li qed jiġri għalkemm xorta trid toqgħod ferm attent,” jgħid hu. “Imma bħala plejer tkun taħt pressjoni kontinwa, trid tilgħab u fl-istess ħin tieħu deċiżjonijiet malajr.”

Din l-esperjenza doppja tagħtih vantaġġ, għax jifhem aħjar kemm il-pressjoni li jgħaddu minnha l-plejers kif ukoll l-importanza li referee jkun ġust u bilanċjat.

Enriquez huwa kburi wkoll bil-fatt li rnexxielu jibni reputazzjoni ta’ imparzjalità fost id-dilettanti tal-logħba tal-boċċi. Huwa jenfasizza li, minkejja li ġej minn Ħal Għaxaq, qatt ma jħalli xi affiljazzjoni taffettwa d-deċiżjonijiet tiegħu. “Ma nara lil ħadd b’mod differenti u ħadd m’għandu xi jgħid fuqi,” jistqarr b’kunfidenza. Din il-kwalità hija essenzjali għal referee, speċjalment f’logħob fejn kull deċiżjoni tista’ tkun kruċjali. U hawn tidħol ferm l-imparzjalita’.

Aspett ieħor li jissemma spiss minn Enriquez huwa x-xogħol f’tim. Huwa jfaħħar lill-assistent tiegħu Redeemer Azzopardi, li jqisu bħala sieħeb importanti ħafna fil-ħidma tiegħu. “Nieħu pjaċir naħdem miegħu,” jgħid, filwaqt li jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm komunikazzjoni u fiduċja bejn referee u assistent.

Naturalment, il-boċċi huma sport fejn ħafna drabi jinqalgħu sitwazzjonijiet delikati. Enriquez jispjega li wieħed mill-aktar mumenti kruċjali jkun meta żewġ boċċi jkunu viċin ħafna tal-likk u jkun hemm bżonn li jitkejlu b’attenzjoni kbira. “Xi drabi jkunu fl-istess distanza u trid tuża r-rutella’. Hemmhekk trid tieħu d-deċiżjoni finali,” jgħid. F’dawn il-mumenti, ir-responsabbiltà tkun kollha fuq spallejh, u kull deċiżjoni trid tkun preċiża u ġusta.

Meta mistoqsi dwar liema finali baqgħet f’moħħu l-aktar, Enriquez jagħti risposta li turi kemm iħobb dan l-isport: “Kollha sbieħ”, jgħidilna b’mod konvint. Għalih, kull logħba għandha s-sbuħija tagħha, speċjalment meta jara plejers jilagħbu b’livell għoli u b’dedikazzjoni. Din il-passjoni hija evidenti f’kull kelma li jgħid.

Barra mill-pitch tal-boċċi, Enriquez kien ukoll involut f’inizjattivi ta’ solidarjetà. Riċentement, flimkien ma’ Ħal Għaxaq Boċċi Klabb, kien parti minn inizjattiva li matulha nġabret is-somma ta’ €870 li ġiet ippreżentata waqt l-Istrina. Dan juri li l-kontribut tiegħu ma jiqafx biss mal-isport, iżda jmur lil hinn, fil-komunità b’diversi għanijiet filantropiċi.

Mario Enriquez juri wkoll sens qawwi ta’ dixxiplina u rispett lejn l-isport, kwalitajiet li huma essenzjali biex wieħed jirnexxi kemm bħala plejer kif ukoll bħala referee. Huwa jemmen li l-boċċi mhux biss logħba ta’ ħila, iżda wkoll ta’ karattru, fejn ir-rispett lejn l-avversarju u lejn id-deċiżjonijiet huwa fundamentali. Skont hu, dawn il-valuri huma dak li jagħmlu l-boċċi sport uniku u speċjali fil-kultura Maltija. Barra minn hekk, huwa jħoss li permezz tal-esperjenza tiegħu jista’ jservi ta’ mudell tajjeb għaż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu f’dan il-qasam.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Enriquez għandu messaġġ ċar ħafna għall-futur tal-boċċi f’Malta. Huwa jħeġġeġ iż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom aktar f’dan l-isport tradizzjonali Malti. “Hija logħba sabiħa u tieħu pjaċir tilgħabha,” jgħid. Jirrimarka wkoll li qed jara aktar żgħażagħ jersqu lejn il-boċċi, xi ħaġa li tagħtih tama kbira li dan l-isport ma jintilifx.

Il-karriera u l-impenn ta’ Mario Enriquez huma eżempju ċar ta’ kif passjoni, dedikazzjoni u sens ta’ ġustizzja jistgħu jagħmlu differenza. Kemm bħala plejer kif ukoll bħala referee, huwa baqa’ dejjem leali lejn il-valuri tal-isport, u b’hekk sar figura importanti fil-komunità tal-boċċi Maltija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport