Melvin Theuma, deskritt bħala l-‘middle-man’ fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed fil-Qorti kif Mario Degiorgio kien sikwit jitolbu eluf ta’ ewro biex jgħaddihom lil Anca Adelina Pop, li tiġi s-sieħba ta’ ħuh, George Degiorgio.
Theuma stqarr dan hekk kif illum quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Mario Degiorgio li qed jiġi mixli b’rikatt u ħasil ta’ flus. Mario qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Theuma, li huwa x-xhud ewlieni f’dan il-każ, stqarr li Mario kien talbu diversi drabi jagħtih €5,000 għal Anca, bħala garanzija biex tkun tista’ ssiefer minħabba li kienet fuq bail. Qal li huwa għaddielu dawn il-flejjes f’minn tal-inqas erba’ okkażjonijiet.
“Tajtu €20,000 żgur. Dawn kienu biex tkun tista’ ssiefer Anca. Qatt ma kont ħadthom lura,” qal ix-xhud. Mistoqsi għalhekk għafejn baqa’ jagħtih dawn il-flus, Theuma wieġeb: “għax kont dahri mal-ħajt.”
Sadanittant, xehed ukoll Daren Debono magħruf bħala t-Topo li bħalissa huwa residenti l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qal li kien jaf lill-imputat Mario Degiorgio għax mill-Marsa bħalu. Qal li lil ħutu jafhom ukoll mill-Marsa. Mistoqsi jekk qattx ġiex ikkuntattjat minn Melvin Theuma, ix-xhud wieġeb li iva iżda ma jiftakarx għalxiex.
Warajh xehed Joseph Brincat magħruf bħala s-Sukku li qal li għandu ħanut tal-futbol fil-Marsa u li kien jaf lil Melvin Theuma. Qal li Lawrence Pace magħruf bħala l-Lolly kien jiġi l-ħanut biex iġib il-flus għal ħut Mario, George u Alfred Degiorgio. Qal li huwa kien jgħaddi dawn il-flejjes lil Mario u dan imbagħad kien jagħtih irċevuta. L-ammonti kienu jkunu xi €300.
Min-naħa tiegħu, Lawrence Pace meta ssejjaħ biex jixhed ikkonferma li Melvin kien jgħaddilu l-flus u kien jagħtihom lil Joseph Brincat. “Din saret fi tliet okkażjonijiet,” qal Pace.
Wara li semgħet ix-xhieda kollha fis-seduta tal-bieraħ, il-Qorti qalet li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex l-imputat jitpoġġa taħt Att ta’ Akkuża.
Mario Degiorgio ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Huwa kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa kuljum.
Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lianne Bonello u Christopher Ellul megħjuna mill-Avukati Francesco Refalo u Marthese Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati William Cuschieri u Lennox Vella qed jidhru għal Mario Degiorgio.