Thursday, November 13, 2025

Mark Borg … aktar minn 25 sena dedikati għall-futsal

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mark Borg huwa wiċċ sinonimu mal-futsal lokali. Beda jilgħab il-futsal ma’ grupp ta’ ħbieb u baqa’ jilgħab sakemm laħaq l-ogħla diviżjoni tal-kampjonat nazzjonali. F’dan il-punt, qaleb l-irwol bħala amministratur tal-klabb u mexxa lill-iskwadra tiegħu sakemm rebaħ il-kampjonat fl-2010.

Ma’ l-ewwel opportunità jieħu sehem fil-Futsal Champions League, ħa ħsieb l-organizzazzjoni tar-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Champions League li saret għall-ewwel darba f’Malta, fil-kumpless tal-Cottonera, fl-2010. Minn dak iż-żmien baqa’ jiġi inkarigat bħala Tournament Director għal bosta tournaments tal-UEFA u tal-FIFA li ġew organizzati f’Malta.

Sadanittant, flimkien ma’ Donald Spiteri, Alex Falzon u Vanessa Darmanin, ifforma parti mill-ewwel kumitat tal-Futsal Malta Association (FMA), li ħadet ir-responsabbiltà li torganizza l-kampjonati nazzjonali tal-futsal mingħand l-MFA. Fl-2013 ġie vvutat bħala President tal-Futsal Malta Association, u baqa’ jiġi kkonfermat bħala President fi tliet elezzjonijiet għajr għall-waqfa ta’ sentejn. Matul is-snin għamel parti mill-Bord Eżekuttiv tal-MFA u dan l-aħħar ġie kkonfermat bħala Delegat tal-UEFA għall-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futsal.

Kif dħalt fil-logħba tal-futsal?

Niftakar li wara li kont waqaft mill-futbol, bqajna niltaqgħu regolarment grupp ta’ ħbieb nilagħbu five-a-side. Konna smajna li qed jiġi organizzat forma ta’ kampjonat five-a-side, dak iż-żmien ma kienx propju futsal, u konna dħalna għalih. Kien hemm bosta timijiet imma l-aqwa timijiet kienu jilagħbu indoor ġewwa l-Padiljun ta’ Kordin. Konna naspiraw li naslu sa dak il-livell, għax il-kwalità u l-livell tal-logħba milgħuba ġewwa kienet ferm interessanti. Jiġuni f’moħħi tim magħmul minn ex players tal-Hibernians kif ukoll tim magħmul minn players Serbi li kien jieħu ħsiebhom John Mizzi. Kienu l-għira ta’ kulħadd u nistqarr li kienu huma li għallmuna l-logħba. Bil-mod il-mod sibna ruħna fl-ogħla diviżjoni u hemmhekk l-interess tiegħi fil-logħba kiber u bdejt ninteressa ruħi aktar fl-amministrazzjoni.

Għaliex ġibditek daqshekk il-logħba tal-futsal?

Għalkemm hemm ħafna similaritajiet mal-futbol, il-futsal hija logħba aktar dinamika. Jien nistaħajlha taħlita tar-regoli tal-futbol u basketball, u tieħu mis-sabiħ taż-żewġ logħbiet f’daqqa. L-azzjoni hija kontinwa u m’hemmx lok li tinħeba fil-futsal. B’hekk l-involviment ta’ player tal-futsal huwa ħafna aktar attiv, u l-aġilità hija importanti. Players tekniċi jibrillaw għax juru l-kapaċitajiet tagħhom fi spazji ristretti u mhux ta’ b’xejn li bosta players ta’ fama mondjali bdew il-karriera tagħhom fil-futsal. Meta l-livell tat-timijiet ikun viċin, l-eċċitament tal-logħba jibqa’ sa l-aħħar sekonda.

X’kienu l-isbaħ suċċessi li kellek bħala club?

Bla dubju r-rebħa tal-ewwel kampjonat ma’ ZC Excess Lazio tibqa’ mument sabiħ, kif ukoll l-organizzazzjoni tar-rawnd preliminari tal-UEFA Champions League għall-ewwel darba f’Malta li tani sodisfazzjon kbir. Però, kull logħba li lagħabt ma’ sħabi, speċjalment dawk tal-bidu, jibqgħu mumenti sbieħ fil-memorji tagħna.

Kif bdiet il-Futsal Malta Association?

Ftit wara li organizżajt ir-rawnd preliminari tal-Futsal Euro fl-2011, kien avviċinani Donald Spiteri. Donald diġà kien parti mill-Kunsill u Eżekuttiv tal-MFA u kien qasam miegħi din l-idea li nieħdu l-organizzazzjoni tal-kampjonat tal-futsal sabiex inżidu l-popolarità u ntejbu l-kwalità tal-logħba. L-idea għoġbitni u tajt kelma lil Donald li jekk l-MFA tapprova l-formazzjoni tal-Futsal Malta Association, jien kont se nirtira mill-involviment tiegħi bħala amministratur ma’ klabb u ningħaqad miegħu biex nifforma parti mill-assoċjazzjoni l-ġdida. Sadanittant magħna kienu ngħaqdu wkoll Alex Falzon, Vanessa Darmanin u Kevin Mifsud. Donald ħadem ħafna biex ġab din l-approvazzjoni u mill-ewwel middejna għonqna għax-xogħol li kienet tirrikjedi. Niftakar li l-ewwel proċess kien li jkollna statut u sett regolamenti u ħaġa ġġib lil oħra.

Il-bidu ma kienx faċli, u l-ewwel pass drastiku kien li niffokaw fuq il-logħba tal-futsal, b’hekk il-logħob kollu beda jsir ġewwa. Ir-riżorsi limitati li kellna ġew iffokati fuq żewġ diviżjonijiet li baqgħu jilagħbu ġewwa, u saru bosta inizjattivi biex tiġi promossa l-logħba. Il-kwalità tjiebet immens, il-pika sportiva żdiedet u l-padiljun beda jilqa’ fih numru rekord ta’ spettaturi sena wara l-oħra. Magħhom żdiedu d-diffikultajiet ta’ saħħa u sigurtà minħabba li l-padiljun ma kienx attrezzat biżżejjed għal dan l-ammont ta’ nies speċjalment fil-fażijiet finali tal-kompetizzjonijiet. Dak iż-żmien, Balzan FC u Hibernians kienu challengers ewlenin u ftit wara bdew deħlin, Valletta FC, Ħamrun Spartans u anke Luxol St. Andrews.

Kollox ma’ kollox, il-Futsal Malta Association kienet ġabet riġenerazzjoni tal-kampjonat tal-futsal u minkejja li n-numru ta’ klabbs kien naqas, xorta kien hemm qbil li l-livell inġenerali kien ogħla u l-logħba kienet qed tiġi rikonoxxuta aktar.

F’dan il-punt ma nistax ma nsellimx lill-ewwel President tal-assoċjazzjoni, Donald Spiteri li kellu l-viżjoni għal dan il-pass importanti kif ukoll lil kollegi l-oħra Alex Falzon, Vanessa Darmanin u Kevin Mifsud li flimkien ħdimna bil-qalb biex nelevaw il-profil tal-logħba tal-futsal.

Kemm ilek President tal-Futsal Malta Association?

Wara t-terminu ta’ Donald Spiteri bħala President, kont offrejt li noħroġ għal din il-kariga b’appoġġ tal-kollegi sħabi. Fl-2013 ġejt ikkonfermat bħala President fil-laqgħa ġenerali annwali ta’ dik is-sena u bqajt f’din il-kariga prattikament sal-lum bl-eċċezzjoni ta’ sentejn li waqaft minħabba li komplejt xi studji akkademiċi.

Matul dawn is-snin, bqajt niġi elett bħala president f’żewġ elezzjonijiet oħra. Kull terminu jippreżenta challenges differenti però l-ewwel terminu kien l-aktar wieħed diffiċli għaliex ma kienx hemm kumitat stabbli u r-riżorsi kienu limitati ħafna. Il-kampjonat baqa’ jikber u n-nies baqgħu jiżdiedu. Sfortunatament kellna anke xi inċidenti li tebbgħu x-xogħol siewi li kien qed isir. Is-sidien tal-Padiljun ta’ Kordin ma xtaqux iġeddulna l-kuntratt u ġejna f’punt il-kampjonat kien se jiġi xolt għaliex ma kellniex fejn nilagħbu. Kien grazzi għall-involviment personali tas-segretarju parlamentari ta’ dak iż-żmien Chris Agius, li sibna arranġament kif stajna nkomplu għal tliet snin oħra. Sadanittant il-pressjoni biex ikollna padiljun dedikat għalina kien diġà beda jinħass.

Fit-tieni terminu, Mireille Vella ngħaqdet mal-FMA, u għamlet ħafna xogħol siewi. Kien bis-saħħa tagħha wkoll li wara l-waqfien tiegħi għal sentejn, baqgħet taħdem qatiegħ biex il-kampjonat ikompli bis-suċċessi li kien qed ikollu. F’dan il-perjodu, l-MFA kienu daħlu wkoll biex iżommu l-kampjonat għaddej, bl-involviment dirett tal-Viċi President Dr. Matthew Paris li sa minn dak iż-żmien ’il quddiem baqa’ jsostnina u kif ukoll waqqaf Dipartiment Tekniku dedikat għall-Futsal u Beach Soccer fi ħdan l-MFA bl-għajnuna tad-Direttur Tekniku Mark Marlow.

It-tielet terminu, fisser ir-ritorn tiegħi bħala President wara assenza ta’ sentejn. Għalkemm bdejna tajjeb ħafna b’kumitat frisk u b’saħħtu, sibna ma’ wiċċna sitwazzjoni bla preċedent li ġabet magħha l-COVID 19. B’sodisfazzjon kbir, kontra l-kurrenti kollha, bqajna nippersistu u wassalna l-kampjonat biex jingħalaq minkejja li prattikament l-isport kollu f’Malta kien waqaf.

F’dawn iż-żminijiet il-Futsal Malta Association għamlet akkwist importanti meta ffirmat kollaborazzjoni mal-Enemed. Dan sarraf f’bosta inizjattivi ġodda ta’ marketing, promozzjoni u titjib ġenerali fl-organizzazzjoni tal-logħba.

X’inizjattivi ġodda twaqqfu f’din l-amministrazzjoni tal-FMA?

Din l-amministrazzjoni hija waħda tassew għal qalbi. Fl-aħħar nista’ ngħid li għandna kumitat komplut, kulħadd bl-irwol tiegħu u b’hekk tassew inħoss li għamilna qabża fil-kwalità. Meta tikkunsidra li aħna kollha volontiera, naħdmu għall-futsal fil-ħin liberu tagħna, tassew inħossni kburi b’dak kollu li jirnexxilna nagħmlu. Ma nistax ma nsemmix b’isimhom lil kollegi sħabi, Stefan Cutajar, Matthew Borg, Nathaniel Jones u Kurt Rizzo li tassew huma persuni kompetenti, professjonali u kommessi f’dak kollu li jagħmlu. L-amministrazzjoni, cost control, il-match operations u l-brand marketing bla dubju ħadu spinta ’l quddiem bis-saħħa tagħhom.

Flimkien, ilħaqna tragwardi ġodda, fejn fost l-aktar notevoli nsemmi l-introduzzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ prize money għal diversi pożizzjonijiet, neħħejna r-registration fee kompletament, introduċejna kampjonat nazzjonali tan-nisa u matul din is-sena ddaħħalna wkoll il-Maltese Cross Futsal Cup. Din ta’ l-aħħar mhux biss imliet il-waqfien tal-kampjonat minħabba l-international breaks imma ressqet lejn il-futsal klabbs ġodda għall-ewwel darba. L-introduzzjoni tal-Enemed Futsal Awards jagħtu għeluq denju u xieraq lill-kampjonat b’mod annwali.

Sfortunatament għadkom mingħajr il-padiljun tagħkom. Għaliex għandkom bżonn din l-infrastruttura?

Bħal kull familja biex tiżviluppa u tikber, teħtieġ li jkollha d-dar tagħha, hekk ukoll assoċjazzjoni bħal tagħna li baqgħet tikber fil-popolarità u tilħaq setturi ġodda, għandha bżonn bażi fejn mhux biss jiġu organizzati l-kampjonati nazzjonali tagħna imma wkoll naqdu l-bżonnijiet ta’ taħriġ tal-klabbs u tat-timijiet nazzjonali tagħna. Sa llum l-FMA mhux biss għadha mingħajr padiljun, imma saħansitra mingħajr uffiċċju minn fejn topera, jew tlaqqa’ l-klabbs. Dan qed ixekkel l-iżvilupp potenzjali tagħna bil-bosta. Fortunatament, inħoss li l-awtoritajiet għarfu din il-ħtieġa u issa jonqos biss id-deċiżjonijiet amministrattivi biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Sakemm nibqa’ President se nibqa’ nippersisti biex jintlaħaq dan l-għan. L-MFA hija kommessa li Padiljun gdid tal-Futsal se jkun inkorporat fil-masterplan tal-izvilupp u rigenerazzjoni tal-grawnd nazzjonali.

X’inhu l-awgurju tiegħek għall-futur tal-futsal?

L-awgurju tiegħi huwa illi dak li ħdimt għalih f’dan iż-żmien twil, iħalli legat pożittiv għall-futur tal-assoċjazzjoni u tal-futsal b’mod ġenerali. Ċertament għandna l-potenzjal li nkomplu nikbru mhux biss bħala numri imma anke bħala riżultati. Wara li introduċejna l-kampjonat tan-nisa b’suċċess, nittama li ma ndumux ma naraw tim nazzjonali tal-futsal tan-nisa u nawgura wkoll li x-xogħol li qed tagħmel l-MFA fis-setturi tal-grassroots, iħalli wkoll l-effett tiegħu b’ħafna aktar żgħażagħ jagħżlu l-futsal bħala l-isport ewlieni tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport