Il-President tal-Malta Futsal Association, il-Perit Mark Borg, ġie maħtur bħala delegat tal-UEFA għall-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futsal 2026, appuntamenti ta’ prestiġju kbir kemm fuq livell personali kif ukoll għall-isport Malti.
Il-kompetizzjoni se ssir bejn il-21 ta’ Jannar u s-7 ta’ Frar 2026 u se tkun ospitata minn tliet pajjiżi: il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovenja.
Perit Borg se jkun responsabbli mill-logħbiet tal-Grupp D, li jinkludi lil Italja, Ungerija, Polonja u l-Portugall, li huma wkoll iċ-champions renjanti. Il-logħbiet ta’ dan il-grupp se jintlagħbu fil-belt ta’ Ljubljana, fis-Slovenja.
Fir-rwol tiegħu bħala delegat tal-UEFA, Perit Borg se jkun qed jissorvelja diversi aspetti organizzattivi tal-logħbiet, sabiex jiġi żgurat li kollox jitwettaq skont l-ogħla standards tal-UEFA. Dan jinkludi l-infrastruttura tas-sala, ir-rekwiżiti mediċi, il-ġestjoni tal-venue, kif ukoll il-koordinazzjoni ġenerali tal-avvenimenti.
Din il-ħatra timmarka l-ewwel darba li uffiċjal Malti qed jingħata responsabbiltà ta’ dan il-livell f’finali Ewropej tal-futsal, pass sinifikanti għall-iżvilupp u r-rikonoxximent tal-futsal Malti fix-xena internazzjonali.
Perit Borg ilu jservi bħala President tal-Malta Futsal Association għal dawn l-aħħar 13-il sena u fil-passat diġà kien inkarigat minn diversi logħbiet u mini-tournaments internazzjonali, inklużi kompetizzjonijiet tal-Champions League, logħbiet Ewropej u avvenimenti relatati mat-Tazza tad-Dinja. Madankollu, minħabba l-esperjenza professjonali tiegħu, din hija l-ewwel darba li ġie fdat b’responsabbiltà fl-istadji finali ta’ kompetizzjoni Ewropea ta’ dan il-livell.
Fost id-dmirijiet tiegħu hemm ukoll li jaħdem bħala punt ta’ kuntatt bejn it-timijiet parteċipanti u l-UEFA għal kwalunkwe kwistjoni ta’ kuljum li tista’ tinqala’, dejjem bl-appoġġ ta’ tim UEFA organizzat u effiċjenti.
Meta mistoqsi dwar din il-ħatra, Perit Borg sostna li dan huwa unur kbir mhux biss għalih personalment, iżda wkoll għall-Malta Futsal Association, il-Malta Football Association u l-isport Malti b’mod ġenerali. Huwa żied jgħid li l-futsal f’Malta qed igawdi minn rispett dejjem jikber, ukoll fid-dawl tal-ħatra riċenti ta’ Dr Paris fil-Kumitat tal-Futsal tal-UEFA.

