Friday, December 13, 2024

Mark Buttigieg m’għadux coach ta’ Ħamrun Spartans

Aqra wkoll

Mark Buttigieg m’għadux il-coach ta’ Ħamrun Spartans wara li laħaq ftehim reċiproku mal-club tal-Premier League biex ma jibqax jokkupa dan ir-rwol.

Buttigieg kien ħa f’idejh lill-Ispartans fil-bidu tal-istaġun li għadda u fl-ewwel staġun tiegħu fit-tmexxija mexxa lir-Reds għall-ewwel rebħ ta’ kampjonat tagħhom wara assenza ta’ 30 sena.

Madankollu, dan l-istaġun l-Ispartans tħabtu għall-forma u mal-bidu tas-sena, it-team għadda minn perijodu ta’ riżultati ħżiena li raw lir-Reds jiksbu rebħa waħda biss minn meta reġa’ beda l-kampjonat f’Jannar.

It-telfa mhux mistennija tal-Ħadd kontra Gudja United kienet l-aħħar waħda għal Buttigieg li nhar it-Tnejn kellu taħditiet mal-ogħla ġerarkija tal-Ispartans fejn ġie deċiż li ma jibqax f’din il-kariga.

L-Ispartans bħalissa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika tal-Premier League, 13-il punt ‘il bogħod mil-leaders Hibernians.

“Intlaħaq ftehim għat-terminazzjoni konsenswali tal-kuntratt mal-coach Mark Buttigieg,” qalu l-Ispartans fi stqarrija.

“Il-club jixtieq jirringrazzja lis-Sur Buttigieg tax-xogħol straordinarju li sar, li laħaq il-qofol tiegħu bir-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier l-istaġun li għadda.

“Il-coach ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans l-istaġun li għadda u kien strumentali bil-ħiliet tekniċi u ta’ tmexxija tiegħu li flimkien mal-wasla ta’ Joseph Portelli kkontribwew immens għar-rebħ tal-kampjonat immedjatament fl-ewwel staġun.

“Mark Buttigieg jibqa’ għal dejjem fl-istorja tal-club tagħna.”

L-Ispartans issa qed ifittxu coach ġdid qabel il-partita li jmiss tagħhom fil-Premier League nhar is-Sibt li ġej fis-6pm kontra Sirens fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali.

Ekonomija

Sport