Sunday, December 22, 2024

Mark Clattenburg “jaħrab” minn xogħlu fl-Eġittu minħabba akkużi u theddid

Aqra wkoll

Mark Clattenburg ħalla xogħlu bħala l-kap tal-kumitat tar-refereeing tal-Eġittu minħabba tħassib dwar is-sigurtà personali, wara li kien rappurtat li rċieva theddid minn sett ta’ partitarji u attakki personali mingħand uffiċjali tal-klabb.

L-eks referee tal-Premier League ngħata dan l-irwol f’Awwissu li għadda, fejn kien inkarigat li jtejjeb il-prestazzjonijiet tal-uffiċjali fl-Eġittu.

Clattenburg ġie kkritikat ħafna minn Mortada Mansour, il-president ta’ Zamalek Sporting Club, 14-il darba rebbieħa tal-Premier League Eġizzjan.

Mansour ikkritika r-rwol ta’ Clattenburg fi ħdan il-football Eġizzjan.

Meta kien qed jitkellem fuq programm televiżiv, Mansour  akkuża lill-Ingliż b’korruzzjoni waqt li kellu rwol simili fl-Arabja Sawdija, u ddeskrivieh bħala “persuna tat-tixħim” u stqarr li ta ċerti referees ċerti logħbiet sabiex jiżgura li l-partiti jispiċċaw kmieni. Peró dawn l-akkużi huma kompletament bla bażi.

Min-naħa l-oħra, Khaled Abu Bakr, avukat prominenti fl-Eġittu, sejjaħ għal intervent urġenti tal-gvern biex jindirizza l-akkużi ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ Clattenburg, u wissa li s-sitwazzjoni tista’ tagħmel periklu bla preċedent għar-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż fl-isport.

Clattenburg, li għandu 47 sena kien irrappurtat ukoll iffaċċja theddid mill-partitarji ta’ Zamalek, li wassal għat-tluq tiegħu.

Ekonomija

Sport