Saturday, December 21, 2024

Mark Gatt isejjaħ 22 player għall-partiti kontra r-Russja u l-Azerbaijan

Aqra wkoll

It-team nazzjonali tan-nisa ta’ Malta se jerġa’ jibda l-impenji tiegħu fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA tal-2023 hekk kif se jivvjaġġaw lejn ir-Russja u l-Azerbaijan għall-Matchdays 3 u 4.

Għal dan id-double-header ‘il bogħod minn xtutna, il-coach Mark Gatt sejjaħ 22 player biex jiffurmaw l-iskwadra.

Malta tiffaċċja lir-Russja (klassifikata 24) fil-Khimki Arena fil-21 ta’ Ottubru (kick-off: 4pm, ħin ta’ Malta) qabel tivvjaġġa lejn Baku, fejn se jaffrontaw lil Azerbaijan (klassifikata 78) fl-ASK Arena fis-26 ta’ Ottubru (kick-off: 4pm, ħin ta’ Malta).

It-team Malti se jkun għadu ġej minn draw storiku ta’ 2-2 kontra l-Bosnja-Herzegovina li kpermezz tiegħu Malta kisbet l-ewwel punt tagħha fir-round ewlieni ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa.

Għal dawn iż-żewġ logħbiet, il-coach Gatt żamm il-fiduċja fil-biċċa l-kbira tal-players li kienu parti mit-team fiż-żewġ logħbiet preċedenti kontra d-Danimarka u l-Bosnja-Herzegovina.

Il-goalkeeper ta’ Birkirkara Janice Xuereb għadha qed tirkupra minn injury, b’ Jodie Attard ta’ Swieqi United li se tingħaqad ma’ Patricia Ebejer ta’ Mgarr United u Maya Cachia ta’ Crotone fid-dipartiment tal-goalkeepers.

Id-difensur tas-Swieqi Jade Schembri se tkun qed tirritorna fl-iskwadra fejn se tingħaqad mad-dipartiment difensiv li huwa ffurmat minn tliet players ta’ Birkirkara (Alishia Sultana, Stephania Farrugia, Charlene Zammit), tliet players tas-Swieqi (Jessica Dimech, Jade Flask, Jade Schembri), waħda tal-Imġarr (Maia Debono) u oħra li tilgħab barra minn xtutna jiġifieri Nicole Sciberras li tilgħab ma’ Tavagnacco.

Rachel Cuschieri u Emma Lipman ibbażati fl-Italja se jiffurmaw id-dipartiment tal-midfield flimkien ma’ tliet players tas-Swieqi (Kayleigh Chetcuti, Shona Zammit, Dorianne Theuma), player waħda tal-Imġarr (Brenda Borg) u player waħda ta’ Birkirkara (Ann-Marie Said).

Fl-attakk, se jkun hemm ir-ritorn ta’ Ylenia Carabott li rkuprat mill-injury tagħha fl-ACL li kienet żammitha barra għal aktar minn tmien xhur. Carabott bħalissa qed tilgħab mat-team mill-Ingilterra tat-tielet livell, Keynsham Town. Emma Xuereb tas-Swieqi hija wkoll player oħra li se tkun qed tirritorna mat-team nazzjonali.

Magħhom se jingħaqdu Maria Farrugia ta’ Sunderland Ladies u Francesca Chircop, li rreġistraw hat-trick għal Mġarr fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat domestiku.

L-attakkant ta’ Sassuolo Haley Bugeja għadha qed tirkupra minn injury wara li kienet assenti fil-logħob ta’ Settembru.

L-iskwadra hija:

Goalkeepers: Patricia Ebejer (Mġarr United); Jodie Attard (Swieqi United); Maya Cachia (Crotone Calcio Femminile, Italja).

Difensuri: Alishia Sultana, Stephania Farrugia, Charlene Zammit (Birkirkara kollha); Jessica Dimech, Jade Flask, Jade Schembri (Swieqi United); Maia Debono (Mgarr United); Nicole Sciberras (Tavagnacco, Italja).

Mdifielders: Ann-Marie Said (Birkirkara); Brenda Borg (Mgarr United); Kayleigh Chetcuti, Dorianne Theuma, Shona Zammit (Swieqi United kollha); Rachel Cuschieri (Lazio, Italja); Emma Lipman (Como Women, Italja).

Attakkanti: Francesca Chircop (Mgarr United); Emma Xuereb (Swieqi United); Maria Farrugia (Sunderland Ladies, Ingilterra); Ylenia Carabott (Keynsham Town Ladies, Ingilterra).

Ekonomija

Sport