Thursday, September 11, 2025

Mark Herrera, Josanne Attard Pulis jirbħu l-Hudson Race Series 10k Burmarrad Edition

Aqra wkoll

Mark Herrera u Josanne Attard Pulis rebħu tellieqa tal-Hudson Race Series Powered by Nike ġewwa l-Burmarrad, li saret nhar il-Ħadd filgħodu.

L-avveniment, li jsir fuq ir-rotta ċatta, reġat attirat numru kbir ta’parteċipanti ta’ diversi livelli atletiċi.

Herrera kiseb rebħa konvinċenti fit-tiġrija tal-irġiel fuq id-distanza ta’ 10k, meta spiċċa fi 33 minuta u 3 sekondi. Warajh daħal Stefan Sultana fi 35 minuta 37 sekondi, waqt li Jeremy Curmi temm fit-tielet post fi 37minuta.

Fit-tiġrija tan-nisa, Attard Pulis ukoll kellha wirja b’saħħita. Attard Pulis temmet id-distanza fi 40 minuta u 50 sekonda. It-tieni post mar għand Donatella Fenech li kisbet hin ta’ 48:17, waqt li Anna Haider ikkompletat il-podju femminili b’ħin ta’ 49:24.

It-tiġrija tal-5k kienet aktar bilanċjata. Aidan Tanti rebaħ fi 15:24, minkejja l-pressjoni ta’ Clayton Abela li spiċċa fit-tieni post b’ħin ta’ 15:44 u Brandon Saliba li kiseb ħin ta’16:04.

Fit-tellieqa tan-nisa, Rosalie Borg Cauchi kisbet l-ewwel post b’ħin tajjeb ta’ 18:03 – hi rreġistrat l-aħjar ħin tagħha.  Warajha, Lisa Bezzina – li għamlet ritorn f’din is-Serje – spiċċat b’ħin ta’ 18:32, waqt li Marija Cumbo ħadet it-tielet post bi 18:39.

Il-premjijiet u t-trofew ġew ippreżentati lir-rebbieħa mid-Direttur tat-Tellieqa Charlie Demanuele li rrimarka: “Il-Hudson Race Series tkompli tenfasizza l-komunità tal-ġiri f’Malta. Komunita li tiġbor magħha ismijiet stabbiliti u atleti emerġenti f’atmosfera kompetittiva iżda waħda ta’ ħbieberija.”

L-organizzaturi tat-tellieqa rringrazzjaw lill-Hudson Group għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lil Transport Malta għall-kollaborazzjoni u għajnuna tagħhom.

L-aħħar tellieqa tal-2025 Hudson Race Series Powered by Nike se tkun il-Valletta Edition, li se ssir fit-8 ta’ Diċembru.

Ir-riżultati uffiċjali jinsabu onlajn fuq is-sit elettroniku –  https://my.raceresult.com/359771/results

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport