Tuesday, December 9, 2025

Mark Herrera u Josanne Attard Pulis jagħlqu s-serje Hudson Race Series 2025  b’rebħiet fl-Edizzjoni tal-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Hudson Race Series, powered by Nike, għalqet l-istaġun tagħha fit-8 ta’ Diċembru bl-Edizzjoni tal-Belt Valletta — rotta magħrufa għall-telgħat wieqfa u għall-kundizzjonijiet tat-temp ta’ spiss kemm xejn hżiena. Din is-sena, iżda, l-atleti gawdew kundizzjonijiet ideali.

Fit-tiġrija tal-10km, Mark Herrera ħa vantaġġ minn kmieni u żamm pass kostanti tul ir-rotta kollha biex ħa l-ewwel post. Warajh daħal Jeremy Curmi, li spiċċa fit-tieni post b’vantaġġ ta’ sekonda waħda biss fuq Brahim El Khattabi li spiċċa fit-tielet post. Herrera baqa’ konsistenti fl-iktar partijiet impenjattivi tar-rotta, b’mod partikolari fit-telgħat.

Josanne Attard Pulis irreġistrat wirja oħra b’saħħitha biex rebħet it-tiġrija tan-nisa fuq id-10km, quddiem Jolene Debattista li kisbet it-tieni post u Brigitte Calascione li kisbet ot-tielet post.

It-tiġrija tal-5km rat lil Brandon Saliba jipiċċa fl-ewwel post, segwit minn Emanuel Zammit u Conway Cachia, li temmew il-podju b’ħinijiet qrib ħafna ta’ xulxin. Fil-kategorija tan-nisa, Rosalie Borg Cauchi kisbet l-ewwel post b’vantaġġ ta’ 19-il sekonda fuq l-atleta Ċiprijotta Chrystalla Hadjipolydorou, filwaqt li Charyl Fava spiċċat fit-tielet post.

Fil-kliem tiegħu fi tmiem is-serje, il-Fundatur u Direttur tas-Serje Charlie Demanuele qal li kien kuntent bis-suċċess tal-istaġun li din is-sena kien qed jiġi ċċelebrat l-10 anniversarju. Demanuele rringrazzja lill-atleti għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Huwa nnota li bejn rotot sbieħ u korsi impenjattivi, il-Hudson Race Series tkompli tattira atleti ta’ kull livell.

Il-Hudson Race Series 2026, powered by Nike, ser tkompli, bl-ewwel tellieqa sseħħ fl-1 ta’ Frar bl-Edizzjoni tat-Tlett Ibliet.

Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħa online fuq:
https://10kseriesmalta.com/product/2026-all-races-special/

L-organizzaturi estendew ukoll ir-ringrazzjamenti tagħhom lil Hudson għall-appoġġ kontinwu tiegħu, lil Power Pulse, kif ukoll lill-Kunsilli Lokali tal-Floriana u l-Belt Valletta, u lil Transport Malta għall-għajnuna tagħhom biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-avveniment.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport