Bradford City ħabbru li Mark Hughes inħatar bħala l-manager il-ġdid tagħhom b’kuntratt sal-2024.
Wara li beda l-karriera tiegħu bħala manager ma’ Wales, Hughes qatta’ l-bqija tal-karriera maniġerjali tiegħu fil-Premier League ma’ sitt clubs differenti, fosthom Manchester City u Stoke City.
Madankollu, wara aktar minn tliet snin mingħajr impjieg, il-manager ta’ 58 sena se jirritorna fil-kariga mal-club tal-League Two, Bradford, li bħalissa qegħdin fil-15-il pożizzjoni fil-klassifika tar-raba’ diviżjoni Ingliża.
Waqt li tkellem mas-sit elettroniku uffiċjali tal-club, Hughes qal li: “Ninsab tassew kuntent li qiegħed hawn u ninsab ħerqan għar-rwol ġdid tiegħi. Dawn kienu jiem eċċitanti għalija.”
L-ewwel partita għal Hughes responsabbli mit-team se tkun f’darhom kontra Mansfield Town, is-Sibt wara nofsinhar.