Thursday, February 26, 2026

Mark Pullicino … president ħabrieki ta’ Għargħur FC

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-futbol huwa mhux biss delizzju imma passjoni li writt mill-familjari fejn in-nannu u z-zijiet ta’ missieri kienu ffissati u partitarji kbar ta’ Sliema Wanderers filwaqt li kemm missieri u anke zijiet kienu plejers u membri tal-kumitat ta’ Għarghur FC għal żmien twil. Ovvjament, jien kont dejjem niġri wara missieri, kemm il-grawnd kif ukoll il-każin u l-imħabba lejn il-logħba baqgħet dejjem tikber.

Għalkemm bdejt nilghab il-futbol tard minħabba l-istudju (kelli 15-il sena) kelli karriera qasira fejn lgħabt mal-Għarghur FC fil-Kampjonat tar-Reserves u tal-Kbar (3rd Division) ftit logħbiet.

Wara żmien wieqaf u ‘l bogħod mill-futbol, bdejt ngħin lill-klabb bħala nurse waqt il-logħbiet; eventwalment il-mibki eks President Andrew Sullivan kien ħajjarni nkun parti mill-kumitat u kont elett Teżorier tal-Klabb fl-2009 sal-2012, Segretarju bejn l-2012 u l-2023 u President mill-2023 sal-lum.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Għargħur FC.

Il-kumitat tal-klabb jieħu ħsieb kemm it-tim tal-kbar, Youths u wkoll in-Nursery bħala kumitat wieħed b’mod volontarju. Ir-rwol huwa wieħed impenjattiv ħafna mhux biss biex niġbru u jkollna l-finanzi biex jitmexxa l-klabb imma wkoll biex jitqassam ix-xogħol inġenerali tal-klabb. Kull membru għandu rwol fiss jew jieħu ħsieb tim partikolari li jipparteċipa f’isem il-Għarghur FC. Apparti l-involviment tiegħi fit-tim tal-Under 17 u l-Under 15, ix-xogħol maġġuri tiegħi huwa fil-Grassroots fejn nieħu ħsieb l-amministrazzjoni tat-timijiet taż-żgħar, friendlies, ħinijiet tat-taħriġ u sessjonijiet tat-taħriġ. Ukoll, nipparteċipa bħala delegat tal-klabb fil-laqgħat organizzati mill-MFA/YFA/NAL Standing Committee. Kont ukoll elett bħala Membru tal-Bord tal-Eżekuttiv tal-MFA fl-2015

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

It-tim Għargħuri li qed jikkompeti fin-NAL2 huwa tim kompletament ġdid b’ħafna plejers żgħażagħ li huma parti mill-Youths tal-klabb. L-idea tal-kumitat flimkien mal-head coach Alan Friggieri hija li nutilizzaw kemm nistgħu u nagħtu spazju plejers li telgħu min-nursery tagħna li għalkemm hija nursery żgħira li qed tikber bilmod kapaċi tipprepara plejers tajbin biżżejjed għat-tim tal-kbar.

Il-klabb u t-timijiet tagħna jridu jservu ta’ vetrina biex plejers żgħażagħ jikbru, jilagħbu aktar logħob kompetittiv u possibilment jaslu ‘l quddiem u jkunu lesti biex ikunu akkwistati minn klabbs ħafna akbar u aktar b’saħħithom minna. Iridu jkunu realistiċi li għalkemm Għargħur FC bħala klabb ipparteċipa fl-Ewwel Diviżjoni bejn is-snin 1990 u 1993 u wkoll fis-sena 2016, il-klabb kien diffiċli li jsalva postu peressli l-istruttura tal-klabb ma kinitx tiflaħ għar-realtá sportiva u finanzjarja li hemm bżonn f’dak il-livell.

Timijiet l-oħra tal-klabb Youths jipparteċipaw fil-Kampjonat tal-MFA Sezzjoni C b’ċans kbir li nsalvaw postna għal staġun ieħor filwaqt li l-Under 15 u U17s jilagħbu f’Sezzjoni D b’riżultati positive u inkoragganti ghal futur.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Flimkien mal-kowċ Alan Friggieri bi pjan ta’ ħames snin, l-aspirazzjoni prinċipali tagħna hija li nkomplu nissodaw il-qiegħ u l-għeruq tan-nursery tal-klabb, bl-ammont jiżdied tat-tfal gradwalment u llum ilaħħaq għal 110 tifel u tifla (żieda sostanzjali fl-aħħar snin wara l-COVID-19).

Ma nistgħux ma nsemmux is-suċċess li kisbet in-Nursery ta’ Għargħur FC f’kompetizzjoni interazzjonali fil-jiem li għaddew. Agħtina iktar dettalji.

Il-klabb ipparteċipa għall-ewwel darba fil-21 edizzjoni tat-Tournament tal-Karnival t’Avola fi Sqallija. Il-klabb ipparteċipa b’żewġ timijiet U9 fejn wara li l-ewwel ġurnata ntlagħbu l-gruppi u t-tim klassifika fit-tielet post tal-grupp u tim ieħor fir-raba’ post tal-grupp. Fit-tieni ġurnata finali, wieħed mit-timijiet rebaħ il-kategorija bronż għat-timijiet kollha li spiċċaw fit-tielet post fl-ewwel jum. Filwaqt li tim l-ieħor kellu riżultati pożittivi kontra timijiet Maltin ta’ Mosta u Marsaskala li kienu fl-istess grupp.

Kien tournament ta’ livell għoli ħafna fejn timijiet Sqallin / Taljani kienu ppreparati sew u timijiet tajbin ħafna teknikament u tattikament. Esperjenza pożittiva għall-klabb u t-tim tagħna b’kontinġent ta’ 46 persuna li taw sapport lit-tfal Għargħurin.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-kampjonati qed isiru aktar iebsa u aktar kompetittivi f’kull livell. Qed naraw kampjonati fejn timijiet jibqgħu viċini fil-klassifiċi sal-aħħar ġranet tal-kampjonat, filwaqt li kull tim jagħtik logħba u l-espressjoni ‘tim żgħir’ spiċċat kważi għal kollox.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħala klabb nużaw l-infrastuttura li għandna fir-raħal, li għalkemm grawnd żgħir (8-a-side) jintuża mit-timijiet kollha. Biż-żieda tat-tfal u domanda għal aktar, il-grawnd sar żgħir filwaqt li diffiċli żżid sessjonijiet ta’ taħriġ u logħob. Bħala kumitat ilna għaddejjin madwar tliet snin biex insibu art oħra x’ninvestu fiha jew grawnd ieħor x’nużaw. Kellna laqgħat mal-Ministru, skejjel u entitajiet imma s’issa ma wasalniex.

Bħala logħob kompetittiv, sfortunatament il-grawnds huma ftit ħafna għad-domanda ta’ logħob u l-MFA qed issib problemi kbar biex talloka logħob kompetittiv. Għalkemm l-assoċjazzjoni tiġi kritikata bil-qawwa dwar dan il-fattur, hemm bżonn aktar koperazzjoni mill-klabbs li għandhom grawnds 11-a-side biex ikunu aktar aċċessibli fejn jistgħu.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fl-aministrazzjoni tal-futbol? 

Nispera li l-Mulej jagħtini s-saħħa biex inkompli naħdem flimkien ma’sħabi u voluntiera oħra li joffru ħinhom għall-ġid tal-logħba tal-futbol u l-klabb/nursery. Għandi relazzjoni tajba mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo, Viċi Presidenti Dr Matthew Paris, Trustin Farrugia Cann u Adrian Casha u l-amministrazzjoni tal-MFA u l-YFA u nemmen li nista’ nkun ta’ sapport akbar lill-kumitati ċentrali li jservu fi ħdan l-assoċjazzjoni fil-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport