Il-kanzunetta “Qed Jinfirex mal-Widien” hija interpretazzjoni bil-Malti ta’ “Gloria in Excelsis Deo”, fuq lirika ta’ Dun Ġ. Camilleri, u imwassla bil-vuċijiet stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali, dawk ta’ Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri. L-arranġament mużikali huwa ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios, filwaqt li l-video ġie ffilmjat minn Marlon Polidano fil-kappella storika ta’ Sant’Agatha fir-Rabat, li toħloq sfond ta’ kwiet u rispett.
Matul l-aħħar snin, Mark u Debbie bnew relazzjoni mużikali li nibtet b’mod naturali tant li preżentaw xogħlijiet li niżlu tajjeb ħafna. Fosthom insibu “Meravilja” u “Kanvas”, li wrew kemm id-dwett tagħhom għandu ton u identità li taħdem sew. “Qed Jinfirex mal-Widien” tkompli din il-kollaborazzjoni, b’interpretazzjoni li tirrispetta l-kanzunetta oriġinali u fl-istess ħin toħloq atmosfera intima u serena.
Mark Spiteri Lucas jgħid:
“Kien proċess li tani sens ta’ paċi. Kien importanti għalija li l-kanzunetta tibqa’ sempliċi.”
Debbie Scerri tgħid:
“Din il-kanzunetta għalija tfisser serħan. Hija mużika li tmiss il-qalb tan-nies. Nispera li min jismagħha jħoss l-istess kalma li ħassejt jien waqt li rrekordjajniha.”
Mark u Debbie bħalissa qed iħejju ruħhom ukoll għall-parteċipazzjoni tagħhom f’Mużika Mużika 2026 bil-kanzunetta “Jekk Forsi”, fuq mużika ta’ Mark Spiteri Lucas u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss. Pass ieħor fil-vjaġġ tagħhom bħala dwett.
Din il-kanzunetta toffri mument ta’ skiet li jixraq lill-istaġun tal-Milied, bħal ħoss li jinfirex bil-mod tul il-widien. Tistgħu ssegwu l-filmat fuq Facebook u YouTube, filwaqt li l-kanzunetta tistgħu tisimgħuha wkoll fuq il-pjattaformi diġitali kollha, grazzi għad-distribuzzjoni ta’ CAP-Sounds.
Il-promozzjoni tal-proġett qed issir minn Ironic PR & Artist Management.

