Thursday, December 11, 2025

Mark Vella … iħalli l-marka tiegħu b’xogħol paċenzjuż, dedikazzjoni u rispett

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-futbol modern, il-pożizzjoni ta’ goalkeeper qed tieħu dimensjoni ġdida: iktar dinamika, iktar teknika u ferm iktar responsabbli. Imma għal Mark Vella, illum assistent kowċ u goalkeepers’ coach ta’ Victoria Hotspurs FC, il-futbol jibqa’ fuq kollox passjoni li bdiet minn età żgħira u li għadha tixgħel bl-istess intensità.

Illum, flimkien mal-kowċ Oliver Spiteri, Vella qed ikun parti essenzjali mill-proġett ambizzjuż tal-Hotspurs u jħoss li sab familja ġdida f’Għawdex. Dan il-ġurnal ħadlu intervista fejn kellimna dwar in-namra li għandu lejn il-logħba tal-ballun.

“Jien minn Ħal Tarxien,” jibda jgħid Mark bi tbissima nostalġika. “Konna noqogħdu viċin l-oratorju ta’ Fr Hilary Tagliaferro, u wara l-iskola konna ninżlu nilagħbu. Peress li kont twil u fini tifel, kienu dejjem jitfgħuni goalkeeper.” Dak li beda bħala logħob tat-tfal sar parti essenzjali mill-ħajja tiegħu. Mark jirrakkonta kif in-nannu tiegħu, li wkoll kien goalkeeper, kien il-persuna li ħeġġu l-aktar: “In-nannu kien jistqarr li jien kelli l-potenzjal. U għalija ġietni naturali ħafna li nkompli fuq il-passi tiegħu.”

Ftit ftit beda jieħu l-futbol bis-serjetà, u l-ewwel esperjenza formali tiegħu kienet ma’ Hibernians fil-kategorija ta’ taħt l-14-il sena, fejn tħarreġ fi struttura professjonali li tatu l-pedament bażiku. Imbagħad għaddiet sena u beda l-kapitlu l-aktar twil ta’ ħajtu ta’ plejer.

“Il-karriera tiegħi verament ħadet forma ma’ Tarxien Rainbows,” jgħid Mark. “Għamilt 10 snin magħhom, u kien hemm kollox: sfidi, ferħ, u xi ftit imrar ukoll.” Minkejja li kien għadu żagħżugħ ħafna, Mark kellu jaffaċċja sitwazzjonijiet li jfissru maturità, inkluż id-debutt tiegħu li qatt ma jinsa:

“Kelli 16-il sena u ma kontx bdejt il-logħba. Imma tkeċċa l-goalkeeper u l-kowċ ta’ dak iż-żmien qalli li jien kelli nieħu posti bejn il-lasti. Minn hemm ‘il quddiem bqajt għaddej. Dak hu mument li jibqa’ f’moħħi mhux biss għax kien l-ewwel darba, imma għax f’dak il-mument fhimt li kienet opportunità li ridt naħtaf.”

Wara ħafna staġuni pożittivi ma’ Tarxien Rainbows, Mark kompla l-vjaġġ tiegħu ma’ diversi timijiet oħra: Fgura United, Naxxar Lions, Vittoriosa Stars, Żebbuġ Rangers, u finalment Pietà Hotspurs, fejn għalaq il-karriera tiegħu bħala goalkeeper.

Mark jitkellem ukoll dwar kif inbidlet il-pożizzjoni tal-goalkeeper matul is-snin. “Illum, goalkeeper irid ikun parti mil-bidu tal-metodu tattiku. Dak iż-żmien kienet logħba differenti ferm. L-ewwel regola li fetħet orrizonti ġodda f’dan ir-rwol kienet il-backpass fejn ma stajtx taqbad il-ballun b’idejk wara pass minn difensur. Minn hemm bdew jinbidlu ħafna affarijiet.”

Kif kienet il-komunikazzjoni mad-difensuri? “Ovvjament xi kultant ikollok bżonn issemma’ leħnek sabiex tirranġa l-linja ta’ quddiemek. Illum il-logħba saret ferm aktar veloċi u teknika. Il-goalkeepers qed isiru kważi playmakers minn wara.”

Meta wieħed jistaqsih x’kien l-aqwa mument sportiv tiegħu, ma jaħsibhiex darbtejn:

“Meta kont ma’ Pietà Hotspurs, kellna partita kontra Sliema Wanderers u rbaħna 1-0. Kont għamilt ħafna saves u ġejt ivvutat bħala l-plejer tal-logħba. Dik kienet wirja li niftakar ħafna għax kont salvajt ir-riżultat.”

Il-karriera ta’ Mark bħala plejer intemmet aktar kmieni milli xtaq. “Kelli nieqaf ta’ 32 sena minħabba injury. Kien mument diffiċli ħafna, imma l-passjoni ma spiċċat qatt. Għalhekk iddeċidejt li nidħol fil-kowċing.”

U minn hemm beda jibni reputazzjoni ġdida f’dan ir-rwol. Mark kellu esperjenzi ma’ Qormi, Mosta, Gżira United u Sliema Wanderers. Irbaħ diversi unuri, fosthom l-FA Trophy, wieħed mill-aktar mumenti sbieħ tal-karriera tiegħu bħala kowċ.

Illum għandu liċenzja UEFA B minn Coverciano, u għandu mira ċara ħafna: “Nixtieq inkompli nitgħallem u nasal biex nikseb il-UEFA Goalkeeper’s Licence A. Dik l-aspirazzjoni tiegħi.”

Illum Mark huwa parti importanti mit-tim tekniku ta’ Victoria Hotspurs, fejn jaħdem mill-qrib ma’ Oliver Spiteri. Jirrakkonta b’ċerta emozzjoni:

“Ma’ Victoria sibt ambjent li bħal donnu kont ili naf. Hemm rispett, professjonalità u dedikazzjoni. It-team manager Mark Buttigieg u l-President Dr Anton Tabone jagħmlu ħafna sagrifiċċji biex it-tim jimxi ‘l quddiem. Hawnhekk tassew ħassejt li sibt familja oħra.”

Mark jenfasizza li Għawdex għandu ruħ sportiva unika: “L-ambjent, il-komunità, in-nies li jagħtu appoġġ… kollox jagħmlek trid tagħti l-aħjar tiegħek.”

“Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-partitarji kollha ta’ Victoria Hotspurs. Anke dawk li jiġu sa Malta biex jaraw il-logħob għax dak hu sagrifiċċju kbir u jrid jiġi dejjem apprezzat. Komplu emmnu fina u aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inkomplu nġibu suċċess lil dan il-klabb.”

Mark Vella huwa tip ta’ plejer u kowċ li ħafna drabi ma jfittixx l-attenzjoni, iżda jħalli l-marka tiegħu b’xogħol paċenzjuż, dedikazzjoni u rispett. Illum, bħala parti mill-istaff tekniku ta’ Victoria Hotspurs, qed jgħaddi l-għerf tiegħu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u fl-istess ħin qed jikteb kapitlu ġdid ta’ suċċess f’karriera li għadha twila.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport