Tuesday, November 26, 2024

MARKI BIŻ-ŻEBGĦA MA’ KULLIMKIEN … U PAZJENTI FL-EMERĠENZA

Aqra wkoll

Sena ġdida normalment nassoċċjawha, almenu fl-ewwel ġranet tagħha, ma’ paġna ġdida, kapitlu ġdid jew xi forma ta’ sforz biex issir bidla għall-aħjar. Nittamaw li forsi mill-iżbalji tal-passat nieħdu mqar tagħlima waħda u fi sforz kollettiv intejbu s-soċjetà li ngħixu fiha. 

Jekk naħsbu ftit, bla ma forsi ntbaħna diġà għandna l-ewwel kapitlu ta’ din is-sena li tar mar-riħ u miegħu taru diversi riżoluzzjonijiet li saru għal din is-sena. Min jaf kemm hawn min għamel wegħda miegħu nnifsu li jkun iktar responsabbli għalih u għal ta’ madwaru, imma l-vizzju ħakmu wisq u f’dawn l-ewwel ġranet id-distrazzjonijiet wassluh biex ikun ta’ periklu għalih u għall-oħrajn.

Min jaf kemm-il darba matul il-jum inkunu għaddejjin u ninnutaw marki taż-żebgħa fl-art, kaxxi jimmarkaw ħabtiet varji bejn diversi vetturi u oħrajn li jkunu saħansitra jinkludu persuni. Xi drabi ż-żebgħa tista’ tkun saret biss bħala mod ta’ kif jitħaffu l-investigazzjonijiet u jitneħħew il-partijiet involuti fl-inċidenti rispettivi biex ikun jista’ jkompli miexi t-traffiku u f’każi oħra ż-żebgħa titlaq biż-żmien minn fuq l-asfalt iżda tibqa’ mmarkata għal dejjem f’qalb il-qraba ta’ persuni li ma jagħmluhiex sal-Emerġenza jew sfortunatament imutu ftit ħin wara li jaslu.

Ta’ kuljum bħala ġurnal nirrappurtaw numru ta’ inċidenti skont tagħrif li nirċievu mill-komunikat tal-Pulizija. Ma dawn min jaf kemm iżjed marki jsiru ta’ kuljum. Li hu żgur hu li fl-ewwel ġimagħtejn ta’ din is-sena tlifna żewġ persuni f’diżgrazzji separati. Ftit wara seħħ inċident f’Ħal Far bejn żewġ vetturi kbar u wieħed mis-sewwieqa issa ilu diversi jiem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Is-Sibt reġa’ kellna żagħżugħ ieħor li ttajjar fil-Furjana. Quddiem dawn l-inċidenti rajna wħud jaqgħu fin-nasba ta’ dinja moderna fejn dak li jkun jinfexx jikkummenta bla ma jaħseb ftit li b’dak li se jikteb se jkun qed jilgħab bis-sentimenti ta’ dawk affettwati mit-telfa ta’ persuni għal qalbhom. Nemmnu li minkejja li l-inkjesta maġisterjali u l-bqija tal-investigazzjonijiet jistgħu jwasslu għal verżjoni ta’ tort u raġun, il-ħajja għandha ħafna iktar x’toffri milli l-verdett. Nemmnu li t-tort jista’ jieħdu kull min ikun involut. Persuna li tittajjar u titlef ħajjitha żgur li qatt ma tista’ tasal biex tieħu r-raġun hekk kif il-battalja tagħha tintilef mal-mument li tieħu l-aħħar nifsijiet u magħhom jintemmu l-aspirazzjonijiet kollha tagħha. Min-naħa l-oħra l-persuna wara l-isteering jekk tingħata raġun għax fit-triq ma kienx hemm dawl, lok fejn jaqsmu persuni, jew il-persuna tkun qasmet bl-addoċċ, taħsbu li dan se tasal tegħleb il-weġgħa fil-qalb jew ir-riperkussjonijiet psikoloġiċi tagħha?

Bl-inċident li sfortunatament l-istatistika turina li qegħdin ikomplu jiżdiedu, ma jistax jonqos li l-pazjenti li jiddaħħlu kuljum fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei ikomplu jiżdiedu. Magħhom tiżdied l-istennija u ovjament l-ilmenti li f’dinja moderna ma ndumux wisq biex niskopruhom permezz ta’ ritratti jew kitbiet fuq il-midja soċjali. Qalb il-ħafna esperti ta’ wara l-keyboard dwar dan is-suġġett, fl-aħħar jiem meta kien qiegħed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Kien proprju l-ġurnalist tal-midja tal-Partit Nazzjonalista li staqsa dwar l-istennija medja ta’ persuna fl-emerġenza bil-Ministru Fearne jispjega dwar kif il-pazjenti kollha jgħaddu minn dak li jissejjaħ triage. Triage huwa meta persuni kwalifikati jistabbilixxu kemm hi serja n-natura tal-emerġenza. Dawk fi skala ta’ wieħed jew tnejn jingħataw l-assistenza li jkollhom bżonn minnufih fejn ħafna drabi anke qabel jaslu bl-ambulanza, il-professjonisti mediċi jkunu infurmati dwarhom u jkunu qegħdin jistennew biex jintervjenu minnufih, dawk fi skala ta’ erbgħa jew ħamsa huma każi ta’ persuni li jiddaħħlu l-Isptar bħala miżura ta’ prekawzjoni, iżda li anke fi kliniċi barra mill-Isptar ikunu setgħu nqdew u għalhekk dawn ikollhom jistennew skont l-ammont ta’ każi aktar urġenti li jiddaħħlu li ovjament ħadd m’għandu kontroll fuqhom. Dawk fi skala tlieta huma tan-nofs u ovjament minkejja li mhux l-isbaħ ħaġa li jkollhom jistennew, f’każ ta’ każi aktar serji jkollhom jagħtu preċedenza lil dawk l-iktar urġenti. B’rabta ma’ dan nemmnu li ċ-Ċentru Ċensu Moran f’Raħal ġdid li mistenni jiġi inawgurat fix-xhur li ġejjin se jkun pass ieħor pożittiv li se jtaffi minn din l-istennija f’Mater Dei.

Ċertament li ż-żebgħa fl-art u dik immarkata għall-bqija ta’ ħajjitna hija xi ħaġa li kull wieħed u waħda minnha jixtieq jevita għal ħajtu kollha. Forsi llum l-adulti jitbissmu meta jaraw lil dawk l-iżjed ċkejknin jirrepetu tagħlim bħalma huwa li biex taqsam triq tħares lemin, xellug, xellug, lemin u tassigura li m’hemmx periklu qabel ma taqsam, iżda bla dubju li kieku naħsbu ftit qabel naġixxu, nkunu iżjed siguri aħna u ta’ madwarna… dan japplika bis-sħiħ ukoll għal kull sewwieq li biex imur minn xi mkien għall-ieħor jeħtieġ li jirrispetta lil ta madwaru billi jagħmel sinjal tal-moviment li jkun se jagħmel billi fost affarijiet oħra juża l-indikaturi. 

Sport