L-attriċi Amerikana miżżewġa lill-Prinċep Harry bi proposta li diffiċli tirrifjuta…
Sors viċin il-familja rjali Ingliża sostna li Meghan Markle allegatament ġiet offruta kemm trid flus bħala ħlas biex hija terġa’ taħdem fis-serje popolari “Suits”. Meghan li llum il-ġurnata għandha 40 sena u hija omm ta’ żewġt itfal mill-Prinċep Harry, kienet taħdem il-parti ta’ Rachel Zane fis-serje Amerikana bejn l-2011 u l-2018.
Hija telqet mid-dinja ta’ Hollywood u waqfet taħdem fis-serje “Suits” wara li tgħarset mal-Prinċep Harry fejn eventwalment iżżewġitu u marret tgħix f’pajjiżu.
Issa li l-koppja neħħiet ir-rwoli rjali tagħha u qiegħda tgħix fl-Istati Uniti, l-offerti għax-xogħol m’humiex jonqsu tant li mhiex sorpriża li l-produtturi ta’ “Suits” ittantaw xortihom u talbu lil Meghan Markle tirritorna. Barra li r-rwol ta’ Rachel kien wieħed maħbub u segwit, issa Meghan hija ċelebrità unika miżżewġa prinċep.
L-espert tal-familja rjali Ingliża, Neil Seal, ħareġ b’din l-aħbar fuq il-YouTube channel tiegħu. Huwa qal li l-produtturi ma jimpurtahomx kemm se tiswihom, basta Meghan taċċetta. “Għandhom il-flus biex jagħmlulha offerta ta’ din it-tip. Għal persuni bħal Meghan u Harry, li sempliċiment iridu l-finanzi biex jibqgħu indipendenti mill-monarkija Ingliża, din il-proposta tagħmel ħafna sens,” kompla Seal.
Huwa qal li bħalissa hemm persuna oħra li ħadet ir-rwol li kellha Meghan fi “Suits” u “ovvjament m’hiex se tirritorna f’dak ir-rwol li kellha qabel” iżda l-idea hija li Meghan tidher fuq l-iscreens tad-drama “Suits” irrelevanti mir-rwol li jkollha fih.
Dan għax, fl-opinjoni tiegħu, il-produtturi lesti jagħmlu minn kollox biex iħajru lil Meghan tirritorna magħhom bħala pubbliċità qawwija għal din is-serje Amerikana.